L-ITA Airways, il-linja tal-ajru li ħadet post l-Alitalia u l-Air Malta ffirmaw ftehim ta’ Codeshare li jgħaqqad ir-rotot taż-żewġ linji tal-ajru.
Fi stqarrija l-Air Malta qalet li dan il-ftehim se jidħol fis-seħħ nhar il-Ħadd li ġej u sostniet li l-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jsaħħaħ l-ivvjaġġar kummerċjali u t-turiżmu bejn Malta u l-Italja.
Fil-fatt permezz tal-codeshare, il-klijenti jkunu jistgħu jgawdu minn aktar għażliet u skedi aħjar ta’ titjiriet meta jivvjaġġaw miż-żewġ ċentri tal-linji tal-ajru f’Ruma u f’Malta.
Barra minn hekk, il-klijenti tal-ITA Airways u tal-Air Malta jkunu jistgħu jtiru bla xkiel lejn id-destinazzjoni mixtieqa tagħhom u b’biljett uniku.
Fil-fatt huma jistgħu jagħmlu check-in fl-ajruport tat-tluq, u jiġbru l-bagalji tagħhom li jkunu checked-in fi tmiem il-vjaġġ tagħhom fl-ajruport tal-wasla.
Il-linja nazzjonali tal-ajru kompliet tispjega li l-ITA Airways se tapplika l-kodiċi ‘AZ’ tagħha fuq is-servizzi kollha tal-Air Malta bejn l-Italja u Malta.
Bl-istess mod, l-Air Malta se jkollha codesharing fuq it-titjiriet tal-ITA Airways bejn Malta u Ruma, u b’hekk tgħaqqad mas-servizzi domestiċi Taljani lil hinn mill-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma u Linate f’Milan.
It-titjiriet il-ġodda li jkunu codeshared issa jinsabu għall-bejgħ mis-siti rispettivi tal-linji tal-ajru.