Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, kriet ajruplan ieħor biex tkun tista’ toffri servizzi ġodda minn Lulju sa Ottubru li ġej.
Dan minħabba żieda sostanzjali fid-domanda għall-ivvjaġġar bl-ajru wara l-pandemija.
L-ajruplan tat-tip Airbus A320 qed jiġi misluf mingħand Getjet u se jiffaċilita servizzi ġodda f’diversi swieq, bħal Madrid, Praga, Lyon u Varsavja.
B’dan l-ajruplan, l-Air Malta se topera bi tmien ajruplani Airbus dan is-sajf, kollha ibbażati f’Malta.
Fi stqarrija ġie spjegat kif matul April u Mejju, l-Air Malta ġarret aktar minn mitejn u sebgħa u sittin elf passiġġier fuq sbatax-il rotta u d-domanda dejjem qed tiżdied.