Minkejja l-kritika tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg dwar is-servizz tal-‘Air Ambulance’ bejn Għawdex u Malta – li ddeskrivitu bħala ‘Gimmick u mhux prijorità’, imkejjen fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta qalu li dan ser ikun jiswa’ mitqlu deheb għall-istess Armata dan minħabba li jkollhom tlett sejħiet fix-xahar ta’ trasferimenti u issa ser ikunu jistgħu jiffukkaw iżjed fuq xogħlhom.
F’ħames snin il-Forzi Armati ta’ Malta kellhom 180 sejħa ta’ trasferiment ta’ pazjenti bejn iż-żewġ gżejjer – medja ta’ tlieta fix-xahar.
Għaldaqstant ladarba jidħol fis-seħħ, is-servizz ta’ ‘Air Ambulance’ bejn Għawdex u Malta se jagħti nifs lill-istess Forzi Armati, li se tkun tista’ tiffoka r-riżorsi tagħha f’postijiet oħra.
Sostna dan mal-gazzetta Kullħadd kelliem mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan f’kuntrast kbir ma’ dak li qalet id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fejn iddeskriviet l-introduzzjoni tal-‘Air Ambulance’ – li se topera bis-saħħa tal-ftehim bejn il-Gvern Malti u Vitals Global Health Care – bħala ‘Gimmick u mhux prijorita’.
Dan l-‘Air Ambulance’ kien possibli wkoll minħabba li l-proġett jinkludi element qawwi ta’ turiżmu mediku u għalhekk ser jiġi offrut servizz għal pazjenti barranin li permezz tiegħu dawn il-pazjenti jistgħu jitwasslu mill-Ajruport ta’ Malta għall-Għawdex direttament b’din l-ambulanza.
Huwa stmat li kull turist mediku jħalli mal-€10,000 fl-ekonomija lokali – dan għaliex dawn it-tip ta’ pazjenti jkunu jridu ċertu kumdita’, li mhux se jiddejqu jħallsu għaliha.
Għalissa din l-ambulanza ser tkun ibbażata fil-‘Heliport’ tax-Xewkija madankollu meta jitlesta’ l-bini fuq l-Isptar ta’ Għawdex l-ambulanza ser tkun trasferrita għall-isptar, hekk kif ser tinbena wkoll ‘helipad’.
Dan filwaqt li f’Malta l-‘helipad’ tinsab fl-Isptar San Luqa, fejn mistenni investiment qawwi ieħor li ser jara r-riġenerazzjoni ta’ dan l-isptar.
Sfortunatament dan il-helipad ma setax issir fl-Isptar Mater Dei minħabba li s-soqfa ta’ dan l-Isptar mhumiex b’saħħithom biżejjed filwaqt li dak li kien inbena ħdejn l-Isptar Mater Dei kellu jitneħħa sabex jinbena l-Isptar tal-Onkoloġija.