Il-proġett DEEP-FIR, se joffri titjib tal-kwalità tal-immaġini tal-wiċċ miġbudin minn kameras tas-CCTV fil-glieda kontra l-kriminalità.
Dan kollu, grazzi għall-ħidma tar-riċerkaturi fi ħdan id-Dipartiment tal-Komunikazzjoni u l-Inġinerija Kompjuterizzata fil-Fakultà tal-ICT tal-Università ta’ Malta u Ascent Software Ltd.
Il-proġett, li rċieva madwar €185,000, hu ffinanzjat minn FUSION, il-Programm Nazzjonali ta’ Finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li hu amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST.
F’attività, li ħabbret dan, tkellem iċ-Chairman tal-MCST, Dr Tonio Portughese, li qal li l-Kunsill se jkompli jistinka, iżomm u jtejjeb ir-rwol importanti tiegħu billi jesplora inċentivi u miżuri fl-oqsma tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Il-Professur John Abela, investigatur prinċipali tal-proġett qal li l-pont bejn il-limitazzjoni tat-teknoloġiji tagħna u l-potenzjal vast ta’ viżjoni b’riżoluzzjoni għolja jrawwem għarfien aktar ċar u teħid ta’ deċiżjonijiet informati.
“Jekk oġġett jew persuna fir-ritratti jew fil-vidjow ma jkunux ċari, ġieli anke kienu sfokati, allura aħna użajna teknoloġija li jgħidulha deep learning, li hi parti mill-intelliġenza artifiċjali biex inkunu nistgħu niċċarawhom.”
John Abela li huwa l-investigatur prinċipali
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza li jintużaw teknoloġiji ġodda bħall-Intelliġenza Artifiċjali għall-ġid tal-pubbliku.
“Dan hu proġett interessanti ferm, iffinanzjat minn fondi pubbliċi li jlaħħqu l-€185,000 mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Proġett li jittratta l-kriminalità u ż-żamma tal-ordni pubblika.”
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti