Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufin aħjar bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, akkużati bil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-elfejn u ħmistax u ta’ Daphne Caruana Galizia fl-elfejn u sbatax, l-aħwa Robert u Adrian Agius għamlu talba għal ħelsien mill-arrest.
L-Avukat Difensur tal-aħwa tal-Maksar insista li l-Prosekuzzjoni ma kellhiex iktar xhieda x’tippreżenta u ma kienx ġust li l-akkużati jinżammu taħt arrest preventiv.
Fuq il-pedana ta’ xhieda telgħet tixhed mara, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, fejn xehdet li hija lesta taġixxi bħala garanti għal Adrian Agius.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, waqt li insistiet li f’każijiet li jinvolvu kriminalità organizzata, hemm biża’ li l-evidenza tiġi mbagħbsa u minħabba l-vjaġġi estensivi ta’ Robert Agius li jkollu barra l-pajjiż, hemm biża’ li jaħrab mill-pajjiż.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo se tkun qed tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq it-talba li saret f’seduta oħra.