L-aħwa promettenti Keith u Kurt Camilleri ġew mistiedna għall-provi ma’ tim tal-Lamborgini fejn ser isuqu karozza tal-Kategorija Super Trofeo, karozza b’chassis Dallara u b’magna Lamborgini b’potenza ta’ 620BHP.
Keith Camilleri għadu kif rebaħ il-kampjonat Malti, Enemed Hillclimb Championship organizzat mill-Island Car Club filwaqt li ħuh Kurt spiċċa fuq il-podju waqt il-hillclimb Masters f’Gubbio. Il-provi ser isiru nhar it-Tlieta 15 ta’ Jannar, fiċ-ċirkwit internazzjonali ta’ Adria. Is-sewwieqa Maltin ser ikunu il-ħin kollhu taħt is-superviżjoni professjonali tat-tim Lamborgini.
Keith u Kurt Camilleri huma tnejn mis-sewwieqa ta Camilleri Racing Team immexxi minn missierhom Hubert Camilleri li tul il-karriera tiegħu rebaħ il-kampjonat Malti tal-Hillclimb xejn inqas minn 13-il darba. Iċ-Cirkwit Internazzjonali ta’ Adria huwa twil 2.7 Kilometri, u jinsab fir-reġjun ta’ Veneto fin-naħa ta’ fuq tal-Italja.
Din l-esperjenza għandha tiprovdi taħriġ uniku lill-aħwa Camilleri li mistennija tgħinhom fil-futur.