It-tliet irġiel li qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia reġgħu ma ngħatawx il-ħelisen mill-arrest wara li l-Qorti qalet li dan jista joħloq tħassib fil-pubbliku.
L-aħwa Alfred Degiorgio (Il-Fulu) u George Degiorgio (Iċ-Ċiniz), u Vince Muscat (il-Koħħu) ilhom taħt arrest minn Diċembru li għadda.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li t-tliet akkużati għandhom jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija għaliez hemm biżżejjed provi biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Il-Qorti nnutat ukoll li l-irġiel xellfu difrejhom mal-ġustizzja diversi drabi u ma eskludietx li dawn jaħarbu mill-pajjiż jekk jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Saħħqet li hija fid-dmir li tipproteġi lis-soċjetà mit-tħassib li jista’ jinħoloq jekk l-akkużati f’każ serju bħal dan jinħelsu mill-arrest.