L-aħwa George u Alfred Degiorgio, flimkien ma’ Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu ma setgħux jemmnu li ġew arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan intqal minn Vince Muscat, il-Koħħu waqt li kompla l-kontro-eżami fil-Qorti, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa Degiorgio, b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fil-Qorti ntqal kif l-aħwa Degiorgio kienu b’saħħithom ħafna u ma stennewx li se jkunu arrestati.
Tul ix-xhieda tiegħu, il-Koħħu qal kif jumejn wara li huwa tkellem mal-pulizija fil-ħabs, l-aħwa Degiorgio kienu jafu b’dak li qal il-Koħħu lill-Pulizija.
Irrakkonta kif darba minnhom fil-ħabs, waqt li l-aħwa Degiorgio u hu kienu qed jistennew lill-Avukat tagħhom, qalulu li hu mar iparla d-depot.
Vince Muscat ikkoferma wkoll li ċ-Ċiniż u l-Fulu qalulu b’dak li qal huwa lill-pulizija.
Il-Koħħu saħaq li huwa kien jaf li l-aħwa Degiorgio kienu jafu li se jkunu arrestati f’Diċembru tal-2017, bl-informazzjoni bdiet tasal mingħand l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta, fejn imbagħad tasal għand Chris Cardona, li beda jgħid lil Alfred Degiorgio.
Il-Koħħu fix-xhieda tiegħu semma kif l-aħwa Degiorgio flimkien mal-Avukat tagħhom qal kif kienu se jibgħatu ittra lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Intqal ukoll kif l-aħwa Degiorgio kellhom ftehim li joħorġu bil-libertà proviżorja.