L-aħwa Degiorgio fetħu żewġ kawżi kontra l-President ta’ Malta Dr George Vella, il-Prim Ministru Dr Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Dr Edward Zammit Lewis, il-Kabinett, il-Kummissarju għall-Pulizija Angelo Gafà, l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg u l-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler.
Il-kawżi nfetħu mill-Avukat Dr William Cuschieri f’isem George Degiorgio iċ-‘Ċiniż’ u Alfred Degiorgio magħruf bħala l-‘Fulu’ wara li għal darb’oħra ġiet miċħuda t-talba għall-proklama.
L-Avukat Dr Stefano Filletti, f’isem il-President tar-Repubblika argumenta li ma tistax tinfetaħ kawża kontra l-Kap tal-Istat waqt il-qadi ta’ dmirijietu, bl-Avukat Cuschieri f’isem il-klijenti tiegħu jgħid li lest jirrevedi l-pożizzjoni fil-konfront tal-President ta’ Malta.
Ilbieraħ sar magħruf li l-Kabinett tal-Ministri reġa’ ta l-parir lill-President ta’ Malta Dr George Vella biex ma jilqax it-talba għall-maħfra Presidenzjali tal-aħwa Degiorgio.
Fis-26 t’April, l-aħwa Degiorgio mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għamlu talba għall-proklama.
Fi stqarrija l-Gvern qal, li b’konformità mal-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kabinett irrakkomanda li l-proklama ma tingħatax.
Intqal li d-deċiżjoni tal-Kabinett mhux biss hija bbażata fuq il-parir tal-istituzzjonijiet relevanti, iżda hija meħuda wkoll fl-interess nazzjonali u fl-interess tar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Il-Ministru Carmelo Abela rrikuża ruħu għall-istess raġunijiet msemmija fl-istqarrija tal-Gvern ta’ Malta dwar talba oħra għall-proklama, li kienet ippubblikata fid-19 ta’ April li għadda.
L-aħwa Degiorgio flimkien ma’ Vince Muscat il-‘Koħħu’ kienu diġà talbu għall-maħfra fuq każijiet kriminali iżda t-talba kienet ġiet miċħuda.