“Kull ġurnata li tgħaddi qed insir aktar konxju ta’ kemm hu privileġġ li nservi lil pajjiżi, u lilkom ħuti Maltin u Għawdxin.”
Dan kien il-kliem, li bih il-Prim Ministru Robert Abela beda l-indirizz tiegħu lin-nazzjon f’għeluq l-ewwel mitt jum tiegħu bħala Prim Ministru.
Dr Abela stqarr li huwa wiret pajjiż ekonomikament u soċjalment b’saħħtu imma li kienu għadu kif ħa xokk istituzzjonali qawwi. Madankollu, stqarr li sa mill-bidu bdiet ħidma biex tinkiseb lura n-normalità b’riformi li jsaħħu l-istituzzjonijiet u li jġibu bidla favur it-tisħiħ tas-saltna tad-drtit u l-governanza tajba.
Innota kif għall-ewwel darba fl-istorja ġie maħtur Prim Imħallef bi qbil unanimu flimkien mal-Oppożizzjoni u sar qbil dwar il-ħatra tal-ġudikanti. Ħidma li ser tkompli fuq ir-rakomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
Dan filwaqt li bi proċess trasparenti, wara sejħa pubblika u skrutinju Parlamentari, dalwaqt ser ikun maħtur il-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Prim Ministru stqarr: “Dawn huma deċiżjonijiet bla preċedent. U għamilniehom għax il-prinċipji ta’ governanza tajba u tas-sewwa, imexxuna.”
Huwa spjega kif sadattant, baqa’ għaddej ix-xogħol fuq proġetti infrastrutturali, bini u manutenzjoni ta’ skejjel u saħansitra qed isir xogħol fuq sistemi alternattivi fl-immaniġġar tal-iskart biex mill-iskart tinħoloq l-enerġija. Dan filwaqt li ġie salvat l-għajxien tal-bdiewa fl-inħawi hekk kif ġiet salvata medda t’art daqs 25 grawnd tal-futbol f’art agrikola.
Fakkar kif fl-ewwel mitt jum tiegħu dan il-gvern baqa’ jinvesti l’fuq minn mitt miljun ewro f’housing soċjali u affordabbli, filwaqt li qed jingħataw sussidji tal-kera lil ommijiet u familji fil-bżonn.
Dr Abela sostna: “Il-ħidma tal-aktar kabinett żagħżugħ u dinamiku fl-istorja tagħna kienet ta’ suċċess. Il-fiduċja fost in-negozji u l-familji tagħna, skont il-kejl tal-Kummissjoni Ewropea, telgħet f’xahar wieħed bl-akbar persentaġġ osservat fi kważi 15-il sena.”
B’ton uman, il-Prim Ministru saħaq li huwa kburi li jservi lil pajjiż iżda qatt ma ħaseb li kien ser jaffaċċja l-ikbar sfida mit-Tieni Gwerra Dinjija l’hawn.
Dr Abela qal: “Iva, kont naf li l-kariga ta’ Prim Ministru ġġib magħha piż ta’ responsabilità, iżda qatt ma ħsibt li se jkollna naffaċċjaw l-akbar sfida f’pajjiżna minn żmien it-tieni Gwerra Dinija ‘l hawn.
Id-deċiżjonjiet li kelli nieħu fl-aħħar ġimgħat, bħala Prim Ministru tagħkom, u li ħadna bħala Gvern, xejn ma kienu faċli. Iżda ma bżajniex nieħdu dawn d-deċiżjonjiet diffiċli għall-ġid komuni u biex inħarsu l-interess nazzjonali – tal-familji Maltin u Għawdxin, u ta’ dawk kollha li qed jgħixu f’pajjiżna.”
Stqarr li din l-isfida li ġabet magħha żmien diffiċli u sagrifiċċji, ser inkomplu naffaċjawha bi sforz kollettiv. L-investiment għaqli tat-tkabbir ekonomiku biex tkun irdoppjata l-ispiża fuq is-saħħa pubblika u jkunu miżjuda kważi elfejn ħaddiem, fosthom t-tkabbir ta’ 50% tan-nurmu ta’ infermiera, wassal biex pajjiżna telaq jiġri qabel bdiet it-tellieqa.
Irrimarka li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għażlet lil Malta bħala l-mudell ta’ kif għandha tiġi kkontrollata l-pandemija.
Il-Prim Ministru fakkar kif Malta għalqet l-ajruport u l-portijiet u għamlitha ċara mal-Unjoni Ewropea u oħrajn li f’din is-sitwazzjoni bla preċedent, pajjiżna ma jistax jilqa’ aktar immigranti. Saħaq iżda li hemm min nissel il-qtigħ il-qalba fost dawk ta’ servizz għal pajjiżna.
Dr Abela stqarr: “Lil Malta, inħobbuha. U biex tmexxi lil pajjiżek trid tkun tħobbu. Lil Malta qatt ma għamilnilha ħsara, u lanqas ser nagħmlulha. Il-biża’, il-qtigħ il-qalb, li hemm min irid inissel fina billi jipprova jixħetna għomorna l-ħabs, mhix ser twaqqafna milli nkomplu niddefendu lil pajjiżna u lin-nies tagħna.”
Fakkar kif f’dawn iċ-ċirkostanzi dan il-gvern kiseb patt Soċjali storiku u bla preċedent mal-imsieħba soċjali u nieda pakketti finanzjarji mill-aktar b’saħħithom f’għajnuna lin-negozji. Il-Prim Ministru Robert Abela iddedika l-messaġġ tiegħu lill-ħaddiema kollha li jinsabu fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-virus li laqat lid-dinja. Dan filwaqt li tenna l-kburija tiegħu bil-poplu Malti li qed jsegwi d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.
“Din hija r-ruħ tan-Nazzjon tagħna. L-aħna mhux il-jiena. Il-Maltin u l-Għawdxin dejjem konna kuraġġjuzi u bi qlubija dejjem iddefendejna lil xulxin. U pajjiżna dejjem rebaħ. Jiena fiduċjuż u ottimist għall-jum li ser jisbaħ dalwaqt, għal dinja aħjar. Ninsab ottimist li żmien isbaħ għal pajjiżna ser jasal ma jdumx, fejn se nkomplu mexjin aktar ‘il quddiem, u fejn il-ġid li jinħoloq, ikompli jilħaq lil kulħadd”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.