L-aħħar żviluppi fir-Russja u fl-Ukrajna kienu fuq nett tal-aġenda tad-diskussjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea li tlaqqa’ fil-Lussemburgu.
Waqt dan il-Kunsill, il-Ministri esprimew id-determinazzjoni tagħhom li jibqgħu għaddejjin bis-sostenn lill-Ukrajna waqt li jkomplu jsegwu dak li gara fir-Russja fi tmiem il-ġimgħa.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta’ Malta, Ian Borg, afferma t-tħassib ta’ pajjiżna fuq l-aggressjoni kontinwa mir-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi l-attakki fuq l-infrastruttura ċivili.
Filwaqt li qal li Malta se tibqa’ tikkontribwixxi għall-isforzi diplomatiċi internazzjonali favur pjan ta’ paċi, huwa saħaq dwar il-bżonn li nibqgħu nitkellmu mal-imsieħba internazzjonali sabiex jkomplu jikbru l-alleanzi kontra l-aggressjoni fuq l-Ukrajna.
Qal, “Aħna komplejna nwasslu l-messaġġ li, iva, kuntenti li ntlaħaq il-ftehim għal-11-il pakkett tas-sanzjonijiet dwar kif għandna niżguraw li ħadd ma jevita l-istess sanzjonijiet għax is-sanzjonijiet jaħdmu. Però, aħna se nżidu biċċa, għax dejjem nadvokaw sabiex ikun hemm id-diskussjonijiet li, fl-aħħar mill-aħħar, iġibu l-paċi.”
Dwar it-twaqqif ta’ tribunal li jinvestiga reati ta’ gwerra kontra l-Ukrajna, il-Ministru Borg saħaq li hu importanti li jkun hemm appoġġ wiesa’ u leġittimità internazzjonali.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-viċinat tan-Nofsinhar, b’mod partikolari t-Tuneżija. Sostna li l-aħħar skambji bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija bagħtu messaġġi tajba iżda wasal iż-żmien li l-Unjoni terġa’ żżid u ssaħħaħ l-impenn tagħha fir-reġjun.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni, l-Unjoni Ewropea trid tgħin lit-Tuneżija permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tagħha biex timmaniġġja b’mod effettiv il-fruntieri, iżda wkoll b’miżuri oħra biex il-poplu Tuneżin igawdi minn opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżu stess.