Fl-ewwel laqgħa għal din is-sena, il-membri tal-MEUSAC iddiskutew l-aħħar żviluppi dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2019, u l-prijoritajiet tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli tkellmet dwar it-tħejjijiet ta’ pajjiżna marbuta ma’ Brexit. Hija fissret kif minkejja l-inċertezza dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Malta hija preparata għal kwalunkwe eventwalità, irrispettivament mill-mod kif se tispiċċa din il-materja.
F’dan il-kuntest Helena Dalli tenniet l-impenn tal-Gvern li jnaqqas kemm jista’ l-impatt ta’ Brexit mhux ordnat fuq iċ-ċittadini Brittaniċi li jgħixu f’pajjiżna u fuq il-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit.
Il-Ministru fakkret fil-helpline 153 li nieda l-Gvern Malti għall-mistoqsijiet dwar Brexit, waqt li ħeġġet lill-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit biex jirreġistraw mal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-istess pajjiż.
Dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, Dr Dalli spjegat li minkejja x-xewqa li n-negozjati jintemmu qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-mira realistika hi li jintlaħaq qbil s’Ottubru.
Il-Ministru rreferiet ukoll għall-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u qalet li fis-sitt xhur li jmiss se jissoktaw it-taħdidiet importanti dwar diversi oqsma fosthom l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-differenza fil-pagi tal-irġiel u tan-nisa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li għandu aspettattivi għoljin għall-Presidenza Rumena, b’mod partikolari għas-Summit ta’ Sibiu fejn se jiġi diskuss il-futur tal-proġett Ewropew. Żied li dan id-dibattitu hu bbażat fuq il-white paper li ppreżentat il-Kummissjoni Ewropea propju dwar dan.
“Illum il-proġett Ewropew qiegħed fil-periklu għax hemm diverġenzi kbar. Fuq naħa hemm il-moviment li jrid Ewropa federali, u fuq naħa ohra hemm dawk li jridu inqas poteri lejn Brussell. Wasal iż-żmien li lkoll naqblu fuq id-direzzjoni li l-Unjoni Ewropea se tieħu, u nkunu aħna li niddefinixxu il-ġrajjiet tax-xhur li ġejjin, minflok ikunu l-grajjiet infushom li jiddefinixxuna,” qal Farrugia.
Aaron Farrugia spjega kif din il-ġimgħa ltaqa’ mal-Ministru Rumena responsabbli għall-fondi Ewropej, Rovana Plumb, u li Malta taqbel mal-miri tal-Presidenza Rumena għaliex jippuntaw lejn proġett Ewropew ambizzjuż bil-politika ta’ koeżjoni fiċ-ċentru.
Fuq il-programm ta’ ħidma annwali, Farrugia qal li din is-sena mhiex se tkun waħda normali minħabba l-kumplikazzjonijiet ta’ Brexit, kif ukoll l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u bidla fil-Kummisjoni Ewropea minn fuq s’isfel.
Is-Sur Glenn Micallef, Kap tas-Segretarjat tal-UE, aġġorna lill-membri tal-MEUSAC dwar Brexit u l-preparamenti ta’ pajjiżna għal kull eventwalità. Dan anki fid-dawl tad-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat din il-ġimgħa li fih spjega l-pożizzjoni tal-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim.
Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni ġie ppreżentat mill-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Elena Grech li qalet li l-prijoritajiet tal-Kummissjoni qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma li jintlaħaq qbil fuq 45 proposta pendenti relatati mal-10 prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker. Hemm ukoll 15-il inizjattiva ġdida li jindirizzaw it-tkomplija tas-Suq Uniku Diġitali, fosthom li tkun fejn tkun fl-Unjoni Ewropea tista’ tixtri b’mod elettroniku bla ma jkun imblukkat l-aċċess minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-pajjiż. Żewġ prijoritajiet oħra huma t-tkomplija tal-unjoni tal-Enerġija u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.
Il-membri tal-MEUSAC ingħataw ukoll preżentazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn kien spjegat li l-erba’ prijoritajiet ewlenin ta’ din il-Presidenza se jkunu: it-tisħiħ tal-konverġenza u l-koeżjoni fl-Unjoni; it-tisħiħ ta’ Ewropa aktar sikura; it-tisħiħ tar-rwol globali tal-Unjoni Ewropea; u l-istimolu tas-solidarjetà fl-Unjoni Ewropea partikolarment bil-promozzjoni ta’ politiki kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.