Il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Wied il-Qlejgħa, li sar b’investiment ta’ ħames miljun ewro, wasal fl-aħħar fażi tiegħu u fadal biss li jitwaħħlu kameras tas-sigurtà.
Dan il-proġett li beda sentejn ilu ra t-tneħħija ta’ diversi eluf ta’ metri kubi ta’ ħamrija u terrapien li akkumulaw u kienu qed jimbblukkaw l-ilma, kif ukoll tneħħija ta’ speċi aljeni u titjib tal-aċċessibilità għall-wied.
Il-proġett kien kruċjali wkoll għall-ħażna tal-ilma, li tul iż-żmien kien jinġarr għall-baħar, iżda issa se jinżamm fil-wied u jkun utli għall-bdiewa.
Neil Azzopardi Ferriggi, Uffiċċjal Amministrattiv fi ħdan l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma tkellem ma’ dan l-istazzjon, fejn spjega li dan il-proġett kien wieħed utli għall-konservazzjoni ekoloġika tas-sit.
Qal, “Ninsabu f’żona sensittiva fil-gżejjer Maltin. Hawn huwa wkoll post fejn jgħix iż-żrinġ Malti, żrinġ indiġenu Malti. Bl-abbandun matul l-aħħar snin tista’ tgħid li s-sistema ekoloġika ta’ dan il-wied marret lura. Permezz ta’ dan il-proġett, qed nerġgħu niffjorixxu din is-sistema ekoloġika biex eventwalment tkompli timraħ u tkattar f’dan il-wied.”
Azzopardi Ferriggi sostna li għal żmien twil, iż-żona kienet titqis bħala sit fejn jintrema diversi skart, iżda sfortunatament, xorta waħda hawn persuni li għadhom jabbużaw u jarmu skart hawn.
Għal din ir-raġuni, is-sit se jkun qed jiġi mħares minn uffiċċjali tas-sigurtà.
Spjega, “Waħħalna t-tabelli ta’ informazzjoni għall-aspett edukattiv u għat-turisti, iżda sibna wkoll lilhom imkissrin, jiġifieri att vandali fuq tabelli li waħħalna, bankijiet eċċ. Apparti minn hekk xi ħaġa tal-għaġeb, xi ħaġa li ssorprendiet lil kulħadd, ħanżir mejjet li proprju intefa’ f’dan il-wied fl-aħħar jiem.”
Min-naħa tiegħu, il-manager tas-sit inkarigat minn Nature Trust, Benjamin Camilleri, stqarr li għalkemm l-aspett infrastrutturali tal-proġett tlesta, iż-żamma tal-post u l-ħarsien ekoloġiku qatt ma jista jieqaf.
Spjega kif sabiex jinqerdu kompletament l-ispeċi invażivi fadal ħafna żmien ta’ xogħol u moniteraġġ kontinwu.
Huwa appella lil kull min iżur dan il-post sabiex jieħu ħsieb is-sit, u anke sabiex ma jitmax il-papri, hekk kif dawn joħolqu problemi kbar.
Qal, “Il-ħmieġ tagħhom waħda mill-ikbar problemi. Il-ħmieġ tagħhom huwa aċiduż ħafna. Meta jkollok il-madwar tal-wied kollu ħmieġ tagħhom, dan jispiċċaw imutu l-pjanti bl-aċtu, meta jmutu l-pjanti maż-żmien, tibda tinġarr il-ħamrija, jinbidel il-livell t’aċtu fil-ħamrija, u tibda tinħoloq l-erożjoni. Apparti minn hekk, ovvjament dawn jieklu jridu, jiġifieri dawn qed jieklu l-pjanti u ż-żrinġijiet jew l-annimali li jsibu hawn. Jiġifieri huma problema diretta għax dawn għandhom bżonn jieklu u indirettament, mill-ħmieġ tagħhom, mill-bajd mhux fertilizzat li jbidu ma’ kullimkien, u jiġu ġrieden jiekluh, allura naraw ċertu mard ukoll.”