Minn Pjazza San Pietru fil-Vatikan sal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma.
Dan kien l-aħħar vjaġġ ta’ Papa Franġisku – il-Papa Arġentin tant maħbub minn miljuni madwar id-dinja, u li ressaq bosta persuni lejn il-Knisja. Dan jidher ukoll fl-attendenza ta’ madwar 400,000 persuna għall-funeral tiegħu – ferm aktar minn dak prevvist.
It-tebut sempliċi ta’ Papa Franġisku nġarr f’purċissjoni sal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore – bażilika li kien iżur ta’ spiss, anke qabel iż-żjara tiegħu f’pajjiżna.
Skont ix-xewqa tiegħu, il-Papa Franġisku sar l-ewwel Papa f’mitt sena li nfiden barra mill-Vatikan.
It-tebut tiegħu nġarr fuq Popemobile, li ġiet irranġata apposta għall-funeral ta’ Papa Franġisku.
Il-purċissjoni li ħarġet mill-Vatikan segwiet rotta ta’ sitt kilometri max-xmara Tiber, filwaqt li għaddiet miċ-Ċentru ta’ Ruma, Pjazza Venezja, u għaddiet ukoll minn ħdejn il-Kolossew.
Il-pubbliku seta’ josserva l-purċissjoni minn wara barrieri maġenb it-toroq, filwaqt li madwar 3,000 voluntier kienu stazzjonati biex jagħtu direzzjonijiet, assistenza medika, u joffru ilma frisk.
Id-difna ma kinitx miftuħa għall-pubbliku, minkejja l-preżenza ta’ ħafna żgħażagħ u eluf ta’ nies li nġabru barra. Fuq wieħed mill-appartamenti kien hemm ukoll banner imdendel li kien jgħid: “Grazzi Franġisku”.
Il-qabar ta’ Papa Franġisku se jkun miftuħ għall-pubbliku mill-Ħadd filgħodu, filwaqt li kif xtaq hu stess, fuq il-qabar tiegħu se jkun hemm miktub biss: “Franciscus”.