Mijiet inġabru fil-Parroċċa tal-Birgu biex isellmu l-memorja ta’ Emanuel Micallef, magħruf bħala Dj Lito li tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku il-Ħadd li għadda.
Il-mewt ta’ Lito ħasdet il-komunità tal-Birgu.
Dj Lito kien magħruf bħala dj tar-rock f’Malta, li kien jgħaqqad lil din il- komunità ta’ spiss permezz tal-programmi tiegħu fuq ir-radju.Il-Ħadd, għall-ħabta tas-6 30p.m, Emanuel sellem lil ommu u ammetta li kien xi ftit nervuż u ta’ dan skuża ruħu. Kwarta biss wara tilef ħajtu. Mewta ħesrem bħal din taħsad lil ħafna iżda għandha il-poter tgħaqqad ukoll.
Lito kien bniedem ta’ qalb tajba li kien maħbub minn ħafna għas-sinċerità tiegħu. Kien iħobb ikun vuċi għal dawk li m’għandhomx vuċi.
Il-mużika kienet kollox għal-Lito fejn kien iqatta’ sigħat jipprepara l-programmi tiegħu biex jagħti servizz lil ħaddieħor permezz tal-kanzunetti rock li kien idoqq. Kien jgħix il-mużika li kien idoqq u dan ser jibqa’ jgħix fil- ħbiberija li kattar mas-semmiegħa tiegħu matul is-snin permezz tad-daqq tal-mużika rock.