Il-Knisja Arċipretali ta’ San Filep ta’ Aġġira, Ħaż-Żebbuġ kienet maħnuqa bin-nies biex ingħatat l-aħħar tislima lil Joe Attard magħruf bħala l-Ġermaniż. Attard tilef ħajtu fl-għomor ta’ 58 sena, 11-il jum wara li kien involut fl-inċident fil-kamra tan-nar ta’ San Ġużepp li seħħ fis-26 ta’ Jannar li għadda.
It-tebut ta’ Attard twassal fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ akkumpanjat b’korteo mmexxi mill-banda De Rohan.
Fl-omelija, iċ-Ċelebrant qal fisser kif it-telfa u l-firda li ġġib magħha qatt m’huma faċli. Stqarr li n-niket tal-ħajja huwa agħar minn terrimot għax jheżżiżna aktar. Tenna biex quddiem dan, il-bniedem għandu jagħmel l-kuraġġ u ma jaqta’ qalbu qatt quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja.
Iċ-Ċelebrant qal li Joe ġabna fil-Knisja Arċipretali sabiex jgħidilna biex inħobbu lil Alla u ma nfittxux meta jkollna bżonn biss.
Iċ-ċelebrant iddiskriva lil Joe bħala artist u persuna entużjast li minnu rridu nieħdu eżempju. Liż-żgħażagħ Ġużeppini fakkarhom biex jitgħallmu mill-pariri li kien jagħtihom.
Wara li ntemmet il-quddiesa, it-tebut ittieħed quddiem il-każin tal-banda ta’ San Ġużepp fejn intlaqa’ minn ċapċip u tfiegħ ta’ fjuri. Il-korteo għadda wkoll minn quddiem il-każin ta’ San Filep fejn hemm ukoll ingħata tislima mistħoqqa.
Bosta membri minn diversi kumitati madwar Malta kienu wkoll preżenti biex taw l-aħħar tislima lil Joe Attard.