Dalgħodu ngħatat l-aħħar tislima lill-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Joe Brincat, li miet nhar il-Ġimgħa li għadda fl-età ta’ 81 sena. Il-funeral tal-Avukat Brincat, li fih attendew ukoll numru kbir ta’ ħbieb u kollegi li ħadmu qribu, sar fil-Knisja ta’ San Publiju, il-Furjana.
Waqt il-quddiesa funebri, li bdiet fid-9:15, ukoll attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, diversi Membri Parlamentari, dawk li ħadmu miegħu l-Qorti, flimkien ma’ qraba u ħbieb personali.
Aktar kmieni, il-korteo funebri għadda u waqaf quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun fejn ingħatat tislima xierqa mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, li kien akkumpanjat minn martu Lydia, flimkien mal-amministrazzjoni u membri tal-Partit Laburista.
Il-Mexxej Laburista u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef, poġġew bukketti fjuri fuq it-tebut tiegħu fil-hearse li waqfet għal ftit tal-ħin quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Kien ukoll Viċi President tal-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa fl-1978 u għal ħafna snin kien rappreżentant ta’ Malta fl-istess Parlament.
Sadanittant fil-Knisja fil-Furjana, is-servizz funebri tmexxa mill-Kardinal Mario Grech, li wkoll kien ħabib personali tal-istess Avukat Brincat, u kkollabora miegħu fuq il-programmi li kien ixandar fuq l-istazzjon ONE Radio.
Fil-fatt il-Kardinal ħadem u kkollabora ma’ Joe Brincat minn meta kien laħaq Isqof t’Għawdex fl-2006 u kien iċempillu kull nhar ta’ Sibt tard bil-lejl biex iwasslu analiżi mill-Vanġelu, f’esperjenza li damet sbatax-il sena ta’ kuntatt dirett.
Sa Ġunju li għadda, Dr Brincat kien jagħmel programm segwit minn bosta mal-lejl fuq ONE, waqt li kien ukoll kontributur regolari f’għadd ta’ ġurnali, speċjalment l-orizzont, bl-opinjonijiet tiegħu li jittrattaw temi kurrenti.
Fl-omelija, il-Kardinal Malti semma diversi fatturi li kienu jiddistingwu lil Brincat f’dak li jagħmel u jgħid. Fost l-oħrajn, qal kif Joe, barra l-kontribut li ta lill-familja tiegħu, ta li seta’ f’ħajtu kemm bħala professjonist, bħala politiku, kif ukoll bħala xandar.
Il-Kardinal semma kif Dr Brincat, grazzi anke għall-għeruq Franġiskani tiegħu, kien kapaċi jagħmel riflessjonijiet sbieħ ħafna, li minnhom anke hu tgħallem ħafna u kien jgħidlu kif flimkien kienu t-tnejn kumpanni u dixxipli ta’ Ġesù Kristu, wieħed bil-professjoni tiegħu u l-ieħor bil-vokazzjoni tiegħu.
“Jien nemmen li t-twemmin li kellu Joe kien mnebbaħ mhux biss minn filosofija politika, imma bil-Vanġelu, li mbagħad naturalment sab ukoll il-kuntest soċjali tiegħu.”
Il-Kardinal Mario Grech
Il-Kardinal Grech temm l-omelija billi qal kif aħna lkoll pellegrini, fejn għandna mixja kemm twila jew qasira li, xi darba, għad tispiċċa fuq din l-art. Qal kif j’alla kull wieħed iħalli warajh il-ġid, titnissel it-tama fil-bnedmin, waqt li Kristu jibqa’ l-ispirazzjoni biex ikollna soċjetà aħjar, kif, fl-aħħar mill-aħħar, għamel tul ħajtu l-Avukat Joe Brincat.
“Meta Joe deher quddiem l-imgħallem Ġesù, din hi r-risposta li kien mistenni li jagħti, il-lealtajiet tiegħu lejn id-dinja, tajbin kemm huma tajbin, spiċċaw, imma baqagħlu lealtà waħda li daħħlitu fil-ħajja ta’ dejjem.”
Il-Kardinal Mario Grech