Fis-sala li ġiet inawgurata riċentament fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun wara li sarilha xogħol ta’ tisbiħ, għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex il-Ħadd issir il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista.
Il-maratona tibda f’nofsinhar u tibqa’ għaddejja tnax-il siegħa sa nofsillejl, meta titħabbar is-somma finali.
It-tħejjijiet kienu diversi, kemm dawk loġistiċi fis-sala bis-sehem ta’ numru kbir ta’ voluntiera kif ukoll bħala kontenut, bil-parteċipazzjoni ta’ Deputati Laburisti u diversi mistiedna oħra.
Se ssir ukoll intervista mal-familja tal-Prim Ministru Robert Abela, jiem qabel l-ewwel Milied tiegħu bħala Mexxej Laburista.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, George Azzopardi, innota li din is-sena, il-maratona se tittella’ b’differenza mingħajr attivitajiet għall-pubbliku fiċ-Ċentru Laburista, imma appella biex kulħadd isegwi l-istazzjonijiet ONE u jingħaqad fi spettaklu ta’ divertiment għal kulħadd riżultat ta’ ġimgħat twal ta’ ħidma minn wara l-kwinti.
Huwa qal, “Għandna setup ġdid, għandna setup sabiħ ħafna, se jkun qed jiżżanżan proprju din is-sena. Huwa tajjeb li jkollna setup ġdid anki għall-fatt li qegħdin niċċelebraw il-mitt sena mit-twaqqif tal-Partit Laburista, nibqgħu niċċelebrawha sal-aħħar u l-appell lil dawk kollha li qegħdin jisimgħuna li jikkontribwixxu għall-ġbir ta’ fondi, hemm it-telefonati miftuħin, min irid jista’ jiġi jagħti d-donazzjoni hawnhekk, se jkun hemm anki Kumitati madwar Malta u Għawdex li qed jilqgħu d-donazzjonijiet qrib iċ-ċentri Laburisti fil-lokalitajiet, l-appell tagħna biex kulħadd jikkontribwixxi u nirringrazzja lil kulħadd.”