Jinsabu għaddejjin ġmielhom l-aħħar preparamenti għar-raba’ edizzjoni ta’ ‘Rigal bi Mħabba’. Attività li ta’ kull sena, permezz tal-ġenerożità ta’ bosta, tara li jinġabru rigali tal-Milied għal tfal li f’dan iż-żmien tas-sena jinsabu fil-bżonn.
F’din ir-raba’ edizzjoni tal-attività b’għan nobbli, li se tkun qed tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħamis filgħaxija, se jkun qed jittella’ wkoll villaġġ tal-Milied biex dawk kollha li jagħżlu jikkontribwixxu u jitfgħu r-rigali taħt is-Siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja, ikunu jistgħu jagħmlu dan f’ambjent festiv.
Dwar dan tkellimna mal-Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern, Aaron Zahra, fejn spjegalna b’mod aktar dettaljat x’se jkun qed jinvolvi l-programm ta’ attivitajiet, hekk kif il-villaġġ tal-Milied jiftaħ uffiċjalment l-Erbgħa u jagħlaq il-Ħamis filgħaxija.
“Għada se jkollna kunċert mill-Banda tal-AFM, li jibda fl-erbgħa ta’ waranofsinhar, u mbagħad l-istess fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela flimkien ma’ Georgia Mae se jkunu qed jilqgħu lill-pubbliku għall-bdil tal-awguri tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Imbagħad il-final ikun nhar il-Ħamis li ġej 21 ta’ Diċembru fejn l-attività tibda mid-9:00 ta’ filgħodu, tibqa’ sejra sa filgħaxija, sas-7:00 fejn hemm niltaqgħu lkoll flimkien u niċċelebraw is-suċċess ta’ sena oħra ta’ din l-inizjattiva.”
Aaron Zahra – Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern
Zahra spjega wkoll kif tul dan il-jum fi Pjazza Kastilja se jittellgħu bosta attivitajiet, fosthom anke kunċerti mill-banda tal-Pulizija, mużika u korijiet minn artisti lokali u saħansitra orkestra.
Iżda mhux biss.
“Villaġġ tal-Milied li se jkun hawn diversi stands li huma organizzati mill-Malta Crafts Foundation. L-istess f’din il-pjazza se jkun hawn ikel u xorb ukoll marbut ma’ dawn il-jiem ta’ festi.”
Aaron Zahra – Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern
Zahra temm jappella biex il-poplu Malti jikkontribwixxi favur din l-inizjattiva.
“Kemm hu sabiħ li tiġi tpoġġi r-rigal taħt is-Siġra tal-Milied u litteralment ma tkunx taf liema tifel jew tifla se tferraħ. Allura l-appell tiegħi nhar il-Ħamis li ġej minn 9:00 ta’ filgħodu sas-7:00, it-8:00 ta’ filgħaxija, jiġu hawnhekk magħna u, apparti li jieħdu gost, iġibu r-rigal tagħhom u jpoġġuh taħt is-Siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja.”
Aaron Zahra – Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern