It-Tnejn f’Ħal Lija se jsir spettaklu ta’ nar tal-art u tal-ajru mill-kamra tan-nar San Mikiel.
L-ispettaklu li se jsir lejlet il-festa tas-Salvatur fil-5 ta’ Awwissu, u se jinkludi numru ta’ strutturi tan-nar tal-art ġodda fost dawk eżistenti li rebħu numru ta’ rekords.
ONE News tkellem ma’ Joseph Zahra, l-uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-kamra tan-nar San Mikiel u wieħed mill-volontarji li għenu fit-tħejjijiet għal dan l-avveniment li se jinkludi numru ta’ innovazzjonijiet pirotekniċi ġodda.
ONE News mar fuq is-sit tal-kamra tan-nar fejn inħadem in-nar li se jinħaraq fejn tkellem ma’ Sylvio Pirotta li kull sena jiġi mill-Awstralja biex jgħin f’din it-tradizzjoni.
Sylvio Pirotta, dilettant tan-nar stqarr li “l-ispettaklu ta’ din is-sena ser nippruvaw nimxu ‘l quddiem għandna ċertu affarijiet li dejjem ntejbu fihom. Żidna ħafna xogħol dis-sena. Ghandna xi prints ukoll u dejjem nippruvaw mmorru ‘l quddiem.
L-ispettaklu tat-Tnejn se jinkludi fih nar mil-art li jġib disinni dettaljati fl-ajru u nar tal-ajru sinkronizzat ma’ diski ta’ fama internazzjonali.