Matul din il-ġimgħa sagra, il-Maltin jingħaqdu mal-kumplament tad-dinja Kristjana, fejn diversi bliet u rħula jikkommemoraw b’mod uniku l-Passjoni ta’ Kristu.
Dan permess ta’ purċissjoni li jieħdu sehem fiha eluf ta’ nies.
B’kollox, din il-purċissjoni tiġi mtella f’17-il lokalita differenti u nistgħu ngħidu li kull purċissjoni differenti għandha karatteristiċi uniċi.
Fil-fatt, ħamest ijiem qabel il-Ġimgħa l-Kbira, f’Ħal Għaxaq, fil-Għargħur u fil-Qala Għawdex, jsiru il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-KBira.
Propju lejliet li l-Knisja Kattolika tati bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa, bit-tifkira tad-daħla solenni ta’ Ġesu f’Ġerusalem, crew ta’ dan l-istazzjon żar il-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq fejn spikka l-entużjażmu tad-dilettanti u l-voluntiera tal-Ġimgħa l-Kbira.
Fost il-voluntiera li kien hemm jagħtu daqqa t’id fil-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq sibna lil John Ciantar, li ilu jerfa’ għal dawn l-aħħar ħamsa u tletin sena.
“Jien ilni nerfa minn mindu kelli 16-il sena. Konna niġu hawn, niġru wara s-sagristan biex jagħtina tixrob. Kien hemm il-vari żgħar u l-vari kbar, bħal vara l-Kbira u Duluri. Għal dawn kien hemm proċess differenti. Imma ta t-tfal li konnha aħna, konnha niġu hawn.”
Min-naħa tiegħu, Reno Busuttil spjega li huwa trabba fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbir ta’ Ħal Għaxaq, u li llum il-ġurnata, apparti li jgħin fit-tmexxija organizzattiva tal-purċisjoni, fil-passat kien jilbes ta’ personaġġi waqt din il-purċissjoni.
“Jien kont parti mit-tieni lott, għalkemm jien kont nieħu ħsieb il-purċissjoni fejn jidħlu personaġġi fejn konna nagħtuhom ir-rwoli biex jimxu magħhom. Jien kont nilbes ta tribù Ruman u nimxu quddiem il-vara l-Kbira. Jien kont li rbaħt il-libsa ta’ Kristu, flimkien mal-mara tiegħi”.
Il-Paroċċa ta’ Ħal Għaxaq ser ikollha iktar vari ġodda fis-snin li ġejjin, li ser ikunu magħmula mill-injam, fejn sissa l-Parroċċa diġa kkummissjonat 5 vari, bl-aħħar waħda tkun dik tal-Veronika.
Għalkemm min-naħa ta’ organizzazjoni kollox huwa lest, iż-żewġ voluntiera jinsabu mħassba fuq it-temp.
“It-temp ma jidhirx li hu favur tagħna, aħna qegħdin hawn, kollox lest, kollox ippreparat bħas-soltu, għalkemm it-temp mhux qed juri li se jkun sabiħ, inħallu f’idejn il-Mulej, wara kollox hu jaf x’se jiġri għada”.