Bħalissa fis-sala ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi jinsabu għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-kunċert Tema 79.
Dan il-kunċert qed jittella’ mill-Partit Laburista b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-40 sena mindu Malta ħadet il-Ħelsien.
ONE News attenda għal waħda mis-sessjonijiet ta’ prova fejn taħt it-tmexxija tal-Maestro Joe Brown numru kbir ta’ mużiċisti bdew jaħdmu qatigħ sabiex ikollhom kollox lest għall-kunċert ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej.
Joe Brown spjegalna kemm dan il-proċess huwa kruċjali għas-suċċess ta’ dan il-kunċert.
Is-Surmast Mro. Joe Brown qal: “Il-preparamenti qegħdin kif qed taraw bħalissa għandna l-orkestra qed nieħdu is-sound check u biex nibbilanċjaw kollox. Issa jiġu l-kantanti wkoll u nkomplu bil-kantanti llum. Imbagħad se nkomplu għada, nkomplu l-ġimgħa biex kollox nippruvaw inġibu eżatt.”
Il-kantanta Georgina spjegat kif 12 il-kantant se jkunu qed ikantaw 24 kanzunetta li kollha inkitbu fis-sena 1979.
Il-kantanta Georgina qalet: “Ifhem ir-rehersals ilhom li bdew imma ovvjament fih ħafna xogħol u fih xi 24 kanzunetta qegħdin xi 12-il kantant kollha min għadu żagħżugħ, min hu tal-età tiegħi, imma kollha kantanti li qbilna kanzunetti ta’ żmieni tas-79 huwa kunċert li żgur li ħa jieħdu pjaċir.”
Kantanta oħra, Ritianne Azzopardi qaltilna li dawk li se jattendu għal dan il-kunċert se jsibuha diffiċli ferm biex jibqgħu bilqiegħda.
Hija qalet: “Huma kollha kanzunetti tan-1979, diski funk u mhux qed nistennew li l-udjenza tibqalna bilqiegħda.”