F’Ħal Kirkop għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-kunċert mużikali 80s and 90s Music Festival, li se jsir il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju u li se jkollu s-sehem ta’ diversi artisti lokali u internazzjonali.
Fost l-oħrajn se jkun hemm Alex Reflex Grech, Sue Mifsud, u Renato Vella flimkien mat-tribute act ta’ Tina Turner, Typically Tina.
Dan l-avveniment qed jiġi organizat minn K Music Events u l-Każin tal-Banda San Leonardu ta’ Ħal Kirkop.
Il-ħames edizzjoni ta’ dan il-festival hija miftuħa għal kulħadd filwaqt li d-donazzjonijiet miġbura se jmorru għal Fondazzjoni Inspire, kif spjega l-President tal-Każin tal-Banda San Leonardu, Louis Zammit.
Qal, “In-nies mhux se jintalbu flus biex jidħlu għal dan l-avveniment, però fil-bibien ikun hemm in-nies tal-Inspire stess li jkunu bil-collection boxes sabiex jiġbru l-flus bħala donazzjonijiet.”
L-Uffiċjal Finanzjarju Ewlieni tal-Inspire, Giovanna Mirabile, qalet li minkejja l-għajnuna li l-Fondazzjoni tirċievi mingħand il-Gvern, xorta waħda tkun teħtieġ is-sapport tal-pubbliku sabiex tkompli tinvesti fil-faċilitajiet u s-servizzi li toffri, li kull ma jmur qed jikbru fid-domanda.
Il-Fondazzjoni Inspire tispeċjalizza f’għajnuna għal dawk li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu, dawk b’diffikultajiet profondi fit-tagħlim. u dawk bi mġiba diffiċli. Hija tgħin lil dawn il-persuni jilħqu l-potenzjal tagħhom permezz ta’ diversi attivitajiet edukattivi, terapewtiċi, u ta’ divertiment.
Karin Bello, li hija l-artista li se tkanta bosta diski magħrufa ta’ Tina Turner, qalet li tinsab ħerqana biex tkun tista’ tkanta quddiem il-folla.
Qalet, “I really look forward to the event here at Ħal Kirkop for the Inspire Foundation. I look forward to be here with the band, Typically Tina Show band and myself, Karin Bello, are looking forward to the atmosphere here for the whole festival.”
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Ministru għal Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.