Fi ftit jiem oħra, il-Partit Laburista se jlaqqa’ Konferenza Ġenerali Annwali fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bit-tema ‘Fiduċja f’Pajjiżna’. Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Novembru, se ssir l-ewwel sessjoni plenarja b’interventi mid-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef.
L-għada s-Sibt, 19 ta’ Novembru, jintlaħaq il-qofol tal-istess Konferenza meta l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, jagħmel l-indirizz tiegħu.
Is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis, spjega kif wara assenza ta’ sentejn, din il-Konferenza hija mistennija għall-approvazzjoni ta’ diversi rapporti tal-Partit Laburista.
“Din hija l-Konferenza Ġenerali Annwali li, minħabba l-pandemija, kellha tinqabeż għal sentejn. Għalhekk, f’din il-konferenza, se nkunu qed napprovaw ir-rapporti tas-sezzjonijiet differenti tal-Partit u, apparti minn hekk, jintlaħaq il-qofol is-Sibt filgħaxija meta l-Prim Ministru Robert Abela jkun qed jagħlaq il-konferenza bid-diskors tiegħu u jagħlaq il-konferenza, u hemmhekk se jkompli jsaħħaħ fuq it-tema tal-konferenza ta’ ’Fiduċja f’Pajjiżna’.”
Iż-żewġ sessjonijiet jibdew fis-6pm. Kulħadd huwa mistieden jattendi.