Fil-Malta Fairs & Convention Centre (MFCC) f’Ta’ Qali, għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għat-tielet edizzjoni tal-Istart-Up Festival, wieħed mill-akbar avvenimenti importanti għall-Malta Enterprise, li jgħaqqad diversi startups u scaleups lokali u internazzjonali.
Mal-55 esebitur se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-investituri u possibbilment joħolqu iżjed investiment, l-aħjar mod kif l-ekosistema Maltija tal-istartups tista’ tiġi megħjuna.
Numru ta’ kelliema internazzjonali u stabbiliti se jnebbħu u jagħtu ispirazzjoni.
Il-festival se jara s-sehem ta’ 1,500 persuna, filwaqt li se joffri bosta faċilitajiet, fosthom ‘Deal Room’, fejn l-investituri se jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-istartups, li min-naħa tagħhom, ikollhom 20 minuta biex jispjegaw in-negozju tagħhom.
Minbarra hekk, se jiġu organizzati workshops, fosthom dwar kif idea tiżvolġi f’negozju.
Sadanittant tkellimna maċ-Chief Marketing and Media Relations Officer tal-Malta Enterprise, Anthony David Gatt, li spjegalna l-festival aktar fid-dettal.
Qal, “L-istartup festival hu wieħed mill-aktar attivitajiet importanti għalL-Malta Enterprise, fejn inkunu qed niltaqgħu ma’ kumpaniji startups u scaleups, kemm lokali kif ukoll dawk ġejjin minn madwar id-dinja għal dan l-avveniment, fejn flimkien magħhom inkunu qegħdin naħdmu biex ngħinu l-ekosistema Maltija tal-istartups.”
Wieħed jista’ jirreġistra jew jikseb aktar informazzjoni permezz tas-sit startupfestivalmalta.com
Fost l-1,500 irreġistrati, li minnhom 300 huma barranin, se jkun hemm ukoll rebbieħ tal-Emmy Award.
Dan l-istartup festival se jara s-sehem ta’ aktar minn 150 student, minn istituzzjonijiet edukattivi, bi programm maħsub speċjali għalihom.
Il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, żaru wkoll it-tħejjijiet fl-MFCC.
Il-Ministru Dalli esprimiet l-entużjażmu tagħha hekk kif dan il-festival se jsaħħaħ il-pożiżżjoni ta’ pajjiżna bħala mekka tal-innovazzjoni fil-Mediterran.
Qalet, “It-tielet edizzjoni tal-Istartup Festival f’pajjiżna tkompli tagħmel lill-pajjiżna hub tal-istartups. Qegħdin naraw aktar persuni li għandhom ideat innovattivi, li qed iħarsu lejn pajjiżna bħala l-pajjiż li mhux biss jistgħu jibdew l-istartups tagħhom, imma jkomplu jikbru u joħolqu aktar ġid u aktar impjiegi.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, Kurt Farrugia, elenka kif dan il-festival se jkompli jsaħħaħ l-istartups f’pajjiżna.
Dan il-festival, se jinkludi wkoll kompetizzjoni, bl-isem ta’ ‘Pitch Black’, filwaqt li se jitnieda wkoll podcast ġdid, bl-isem ta’ ‘Business Matters’.