Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għal-festa tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin, il-Festa Frawli: ġurnata meta bosta Maltin u turisti jmorru bi ħġarhom fl-Imġarr biex iduqu l-prodott Malti.
Waqt konferenza stampa bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ikkummentat li din il-festa, li bdiet fl-2007, kull sena tkun suċċess, u għalhekk hija ottimista wkoll għal-nhar il-Ħadd li ġej.
Hija spjegat li din l-inizjattiva tgħin l-agrikoltura Maltija tibqa’ ħajja filwaqt li tiċċelebra l-prodott Malti. Hija ħeġġet lin-nies biex jattendu u jieħdu gost f’din l-okkażjoni.
“Rajnihom jagħmlu użu mill-fondi għall-attivitajiet kulturali sabiex ikunu l-kunsilliera, il-kunsilli lokali, u rappreżentanti tagħhom li jkomplu jwasslulna attivitajiet bħal dawn għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Intant, is-Sindku tal-Imġarr, Paul Vella, fakkar kif din l-attività mhux biss tgħin lill-bidwi lokali imma wkoll lill-knisja, għax parti mid-dħul ta’ din il-festa tmur għar-restawr tal-knisja tal-Imġarr. Huwa qalilna kif mhumiex il-Maltin u Għawdxin biss li jżuru din l-attività imma ukoll it-turisti.
“Inqajmu wkoll l-aspett turistiku, li jgħin ukoll fl-ekonomija Maltija u jgħin ukoll biex inkabbru l-isem ta’ Malta madwar l-Ewropa u fost kull minn jiġi.”
Preżenti għal-konferenza kien hemm ukoll Nicole Muscat, żagħżugħa Maltija li ta’ kull sena tgħin lill-familja tagħha fix-xogħol agrikolu. Hija qaltilna li tħossha kburija li tgħin lill-familja f’dan ix-xogħol, filwaqt li appellat biex wieħed jiftakar fit-tbatija li l-bdiewa jgħaddu minnha sabiex jassiguraw li l-pajjiż ikollu provvista tal-prodott Malti.
“Inħossni kburija ħafna li qed nagħmel parti minn din il-familja, minn dan ix-xogħol, u minkejja t-tbatija ma naqtax qalbi. L-aqwa li fl-aħħar tal-ġurnata nara s-sodisfazzjon li jiena kabbart frawla mill-bidu sal-aħħar – ix-xogħol kien kollu f’idejja.”