L-aħħar tħejjijiet għall-EuroPride, li din is-sena se jiġi ospitat f’pajjiżna mis-7 sas-17 ta’ Settembru li ġej, jinsabu fl-aqwa tagħhom.
Dan l-avveniment internazzjonali, li mistenni jattira l-eluf lejn Malta, se joffri għadd attivitajiet minn dawk edukattivi u kulturali, għal oħrajn divertenti, li iżda lkoll iduru mal-imħabba lejn xulxin, u lejn il-komunità LGBTIQ+.
Eluf ta’ persuni diġà bbukkjaw biex jattendu għal bosta attivitajiet li se jkunu qed jittellgħu, mhux l-inqas il-kunċert finali mill-artista internazzjonali Christina Aguilera fuq il-Fosos tal-Furjana nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru.
Kelliem għall-organizzaturi qal li dan il-kunċert hu mingħajr ħlas, iżda l-biljetti huma limitati u għalhekk wieħed irid jibbukkjahom minn qabel.
“Ġimagħtejn ’il bogħod mill-EuroPride jissoktaw l-aħħar preparamenti hekk kif qed inżur numru ta’ artisti li qed iħejju għal esebizzjoni, li se jkollhom waqt il-jiem tal-Pride u daqstant illum rajt numru ta’ wirjiet li, bil-mod artistiku tagħhom, qed iwasslu l-messaġġ li l-imħabba hi sabiħa f’kull forma tagħha.”
Rebecca Buttigieg – Segretarju Parlamentari
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, żaret wirja internazzjonali tal-arti, li qed tittella’ fi Spazju Kreattiv fl-okkażjoni tal-EuroPride Valletta 2023.
Il-wirja bit-tema ‘Wind blows waves… in all direction’ tiġbor xogħlijiet ta’ 25 artist u attivisti Maltin u oħrajn minn għaxar pajjiż tal-Mediterran dwar il-mixja u l-isfidi tal-komunità LGBTIQ+ biex tikseb id-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza.
Kompliet tgħid li l-għan ta’ kull artist u kull min hu involut hu biex jiġi espost it-talent lokali u juru kemm Malta hi tassew ugwali għal kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li, f’din id-29 edizzjoni tal-EuroPride, Malta se tagħti xhieda tal-impenn tagħha li tkompli tkun vuċi favur id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
Dan bl-istess mod kif fl-aħħar għaxar snin saru avvanzi enormi f’dan ir-rigward u għal numru ta’ snin issa pajjiżna baqa’ jiġi kklassifikat bħala l-aqwa fid-dinja.