Nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġej, Malta se tospita sebgħa u ħamsin Ministru għall-Affarijiet Barranin bħala parti mis-summit ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, li għal din l-aħħar sena kienet immexxija minn pajjiżna stess.
Għal dan is-summit, se jkunu f’pajjiżna wkoll is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov.
Ġimgħa qabel isir dan l-avveniment, ONE News żar l-aħħar tħejjijiet li għaddejjin fl-MFCC, f’Ta’ Qali. Hawnhekk tkellimna mal-Kap tat-Taskforce tal-Attivitajiet tal-Presidenza Maltija tal-OSCE, Kerstin Spiteri.
“Ovvjament, hawn ħafna loġistika involuta, kellna ħafna laqgħat ma’ diversi entitajiet u anke mal-Pulizija, l-Armata, is-Civil Protection, jinvolvi lil kulħadd biex niżguraw li jkollna kollox f’postu, speċjalment, anke mil-lat ta’ sigurtà.”
Dan filwaqt li, għal dan l-avveniment, ittellgħet binja oħra biswit it-tinda tal-MFCC.
“Li prattikament kellha tinbena mill-ġdid. Għax hawn numru kbir ta’ kmamar, li huma obbligatorji, għax huma l-OSCE Secretariat jgħidulek x’tip ta’ kmamar, kemm għandek bżonn u saħansitra kemm huma kbar.”
Dwar dan l-avveniment importanti kkummenta wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, li hu ċ-Chairperson attwali tal-OSCE f’isem pajjiżna.
“Il-Ministri Ewropej, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Ministri oħrajn, bħal dak tar-Russja, l-Ukrajna u oħrajn mill-Asja Ċentrali. B’għan wieħed, li nagħtu lill-organizzazzjoni tmexxija ġdida u anke l-għodda biex tkompli taħdem madwar ir-reġjun kollu.”
Għal dan is-summit f’pajjiżna se jattendu mal-200 ġurnalist barrani, filwaqt li, mill-ewwel sas-sitta ta’ Diċembru, se jidħol fis-seħħ kontroll temporanju fuq il-fruntieri ta’ pajjiżna, bħala miżura ta’ sigurtà.