Il-park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali ttrasforma ruħu biex jilqa’ l-Festival SummerDaze, avveniment li qed jiġi organizzat mill-Awtorità tat-Turiżmu, b’kollaborazzjoni ma’ BBC Radio 1 Dance Life u Creamfields.
Għal dan l-avveniment mistennija jattendu xejn inqas minn sebgħin elf persuna, kemm minn Malta kif ukoll turisti.
L-artisti li se jipparteċipaw fil-festival jinkludu lill-kantanta Anne-Marie, Bastille, Elderbrook, G-Eazy, u Jason Derulo, li se jorganizzaw spettaklu mill-isbaħ, filwaqt li fis-17 ta’ Awwissu se jiġi organizzat spettaklu minn Albertino, Fargetta, Molella, u Prezioso flimkien ma’ J Ax, Baby K, Corona, Ice MC, u Meduza.
Il-kunċert SummerDaze ta’ din is-sena se jkun iffukat aktar fuq l-aspett ambjentali, b’iktar viżjoni fuq l-immaniġġjar tal-iskart, hekk kif ma’ kull biljett wieħed se jkun qed jingħata tazza li tista’ terġa’ tintuża aktar minn darba dan bil-għan li jitnaqqas l-użu tal-plastik.
Iċ-Chairman tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia, irrimarka li attivitajiet bħal dawn huma parti minn viżjoni għat-tul li għandha l-Awtorità għas-settur turistiku biex pajjiżna jkun destinazzjoni ta’ avvenimenti għal kull età u jattira turisti differenti.
Qal, “Qed inkopru żewġ swieq partikolari, is-suq Ingliż-Amerikan, li artisti minn dawn il-pajjiżi jagħmlu l-prestazzjonijiet tagħhom f’ġurnata partikolari, iżda wkoll din is-sena se nkun qed niffoka fuq artisti Taljani, biex ikollna prodott diversifikat.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, spjega li dan il-festival huwa kruċjali għan-niċċa turistika tal-festivals li kull sena tattira eluf ta’ żgħażagħ lejn Malta u jintlaħqu swieq ġodda bħal dak Amerikan.
Huwa nnota li dan l-avveniment se jkompli jgħolli isem Malta ’l fuq internazzjonalment.
Stqarr, “Ix-xogħol tant tajjeb fejn tidħol in-niċċa tal-festival tat-turiżmu – niċċa li qed tgħin fl-irkupru ta’ pajjiżna, tant li l-age gap, l-iktar nies li ġew lura f’pajjiżna, huma proprju dawk iż-żgħażagħ li jattendu dawn il-festivals matul ix-xhur tas-sajf.”