Fadal biss ftit aktar minn ġimgħa għar-raba’ edizzjoni tal-festival li jiċċelebra l-lingwa Maltija, Mużika Mużika, b’għoxrin kanzunetta oriġinali. Dan l-avveniment se jittella’ bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu.
Il-festival Mużika Mużika se joffri, għal darb’oħra, pjattaforma prestiġjuża lill-kontestanti, fejn se jiġu ppreżentati għoxrin kompożizzjoni bl-ilsien Malti, akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta.
ONE News tkellem mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li spjega magħna x’inhuma l-aħħar tħejjijiet għal dan il-festival li kull sena jiġi segwit minn eluf ta’ nies.
Qal, “Mużika Mużika hu festival għal qalb il-poplu Maltin u Għawdxi, għax jiċċelebra waħda mill-akbar affarijiet għeżież għalihom, il-lingwa Maltija. Lingwa tagħna li tiddefinixxina bħala Maltin u aħna qegħdin niċċelebrawha billi npoġġu palk tant sabiħ u tiġi ċċelebrata wkoll b’diski u mużika mill-isbaħ. Waħda mill-ikbar affarijiet sbieħ hi li, bis-saħħa ta’ Mużika Mużika, qed joħorġu għoxrin diska bil-Malti ta’ kwalità, livell għoli ħafna kull sena. Anke din is-sena se jkun hemm għoxrin diska oħra ġdida bil-Malti li żgur se jinżlu għasel mal-pubbliku Malti u Għawdxi.”
Kif kien imħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, Mużika Mużika ta’ din is-sena se jinkludi elementi 3D biex juri moviment bil-viżwali minn kwalunkwe angolu, kif ukoll għadd kbir ta’ LED screens u elementi jiċċaqalqu li se jikkumplimentaw l-istil uniku tal-palk.
Din is-sena wkoll se nerġgħu naraw il-“lejla tal-klassiċi”, li se ssir il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu. Lejla li bosta nies jistennewha bi ħġarhom biex jesperjenzaw kanzunetti klassiċi Maltin, li jiġu interpretati minn diversi kantanti stabbiliti fix-xena tal-mużika lokali flimkien mal-parteċipanti finalisti.
Bbiljetti u aktar tagħrif dwar il-festival jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit uffiċjali – muzikamuzika.mt.
Ritratt: Vince Piscopo