Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex pajjiżna jospita l-għaxar laqgħa tal-MED 9 nhar il-Ġimgħa li ġej.
Dwar dan, ONE News tkellem mal-Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern, Aaron Zahra, li qal li l-preparamenti bdew appena tħabbar li Malta se tospita dan is-summit.
Qal, “Preparamenti li telqu prattikament l-għada li ġie mħabbar li s-summit se jkun qed isir f’pajjiżna. Issa baqa’ l-aħħar ftit preparamenti. Preparamenti li joħduk mill-aspetti loġistiċi, kif jiġu organizzati t-tħejjijiet kollha fil-pajjiż, it-toroq, anke wkoll is-sigurtà u minn hawnhekk irrid nirringrazzja lill-entitajiet governattivi li ħadmu qatigħ biex nhar il-Ġimgħa li ġej, is-summit jekk alla jrid ikun ta’ suċċess.”
Madwar il-pajjiż ittellgħu l-bnadar bl-arma tal-MED 9 u tad-disa’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea involuti.
Hu tenna li għal dan is-summit se jkun hawn preżenti anke ġurnalisti internazzjonali, li se jkunu qed jammontaw għal madwar mija.
Qal, “Ma rridux ninsew li summit bħal dan iġib numru, ammont kbir ta’ midja. Għaldaqstant, min-naħa tagħna, ħsibna li nipprovdu post ċentrali fi Spazju Kreattiv, fejn il-ġurnalisti lokali li se jkunu qed jiġu u jikkaverjaw is-summit ta’ nhar il-Ġimgħa.”
Il-Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern kellu dan l-appell biex in-nies jevitaw l-inħawi tal-Berġa ta’ Kastilja u l-Imdina, minħabba s-sigurtà.
Qal, “L-appell tiegħi hu li nhar il-Ġimgħa li ġej, il-pubbliku Malti u Għawdxi jikkopera mal-forzi tal-ordni li se jkollna fit-toroq. Wieħed jifhem li s-sigurtà nhar il-Ġimgħa li ġej tkun waħda massima. Allura, hu ferm importanti li fil-ħinijiet, jiġifieri mill-11:30 ta’ filgħodu sa tard filgħaxija, jevitaw it-toroq li se jkun qed jieħu dan is-summit.”