Fit-Teatru Orpheum fil-Gżira għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex bil-miżuri ta’ prekawzjoni kollha meħtieġa, il-Ġimgħa ssir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Laqgħa li kellha ssir fl-ewwel xhur tas-sena, imma li ġiet posposta minħabba l-imxija tal-COVID-19.
Il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, spjegalna x’hemm fuq l-aġenda għal din il-laqgħa. “Hemm preparata mozzjoni politika li għall-ewwel darba wara ammont ta’ snin, il-Forum Żgħażagħ Laburisti fil-Laqgħa Ġenerali tiegħu, se jressaq mozzjoni għal diskussjoni politika kemm fil-laqgħa ta’ għada imma wkoll matul il-ġimgħat li ġejjin.” 13
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela se jwassal ukoll id-diskors tiegħu għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija.
“Dan huwa mument eċitanti għalina bħala fergħa għaliex hija l-ewwel okkażjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li kellha tiġi posposta din il-laqgħa, u qed inħarsu ’l quddiem għall-messaġġ tal-Prim Ministru li se jinkoraġixxi lil din il-fergħa biex jagħti d-direzzjoni ta’ fejn għandna mmorru.” Tenna Bugeja.
Kull min jattendi huwa mitlub jilbes maskra.