“Se tkun festa qabel iż-żmien – Il-Ħadd niltaqgħu Ta’ Qali u mbagħad wara Strada Rjali.”
Dan huwa l-kliem fuq fomm bosta partikorment fil-Ħamrun hekk kif ninsabu ftit sigħat il-bogħod milli l-Klabb ta’ Ħamrun Spartans jiġi uffiċjalment iddikjarat rebbieħ tal-kampjonat tal-futbol Malti.
Is-Sibt 22 ta’ April Hamrun Spartans ser ikunu qed jilgħabu l-aħħar logħba tagħhom ta’ dan l-istaġun kontra Gudja United bil-preżentazzjoni tat-trofew ta’ ċampjins għal istaġun 2022 / 2023 isir eżattament mat-tmiem il-partita.
Eżattament wara ċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu fi Strada Rjali fejn tul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa skattaw preparazzjonijiet estensivi li ser jassiguraw ordni u gost.
Tkellimna mas-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut li spjegalna l-programm ta’ attivitajiet li hemm ippreparat għas-Sibt.
“L-attività ħa tibda fis-siegħa fil-grawnd nazzjonali ta’ Ta’ Qali fejn hemmhekk se jkun hemm mużika fejn se jkun hemm diski mill-antik, diski minn tal-lum, ħa jkollna xi ħaġa speċjali minn hemm ukoll anke fil-half time tal-logħba biex umbagħad wara l-logħba, wara li nieħdu t-tazza, jinżel kulħadd hawnhekk fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Hawn ħa jibda għall-ħabta tas-sitta fejn diġà semmejt ħa jkollna l-karrijiet li ħa jibdew neżlin wieħed wara l-ieħor. Ngħaddu minn quddiem il-każini li għandna hawnhekk tal-baned l-għaqdiet u s-soċjetajiet kollha umbagħad nibqgħu sejrin quddiem il-klabb tal-Ħamrun Spartans.”
Hawnhekk Sammut tenna li se jkun hemm stage ppreparat bi programm imżewwaq.
“Qed nistennew li fejn l-istage naslu għall-ħabta tal-10pm fejn ukoll se jkun hemm diversi kantanti popolari, DJs popolari u anke bands popolari jiġifieri se jkun hawn atmosfera għal kulħadd, atmosfera ta’ familja, atmosfera ta’ festa u ta’ briju, kif nafu nagħmlu aħna l-Ħamruniżi.”
Sammut tenna wkoll l-importanza tal-ippjanar qabel persuni jiffrekwentaw l-inħawi qrib il-Ħamrun hekk kif minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet se jingħalqu numru ta’ toroq favur aktar sigurtà.
“Minn għada Triq il-Kbira San Ġużepp kollha se tkun magħluqa, jiġifieri n-nies jevitaw li jgħaddu minn hawn. Ħa jkollna parkeġġi ġo l-iskejjel miftuħa. Inħeġġeġ lin-nies biex jipparkjaw hemm mal-ewwel.”
Dawn il-parkeġġi se jkunu fl-iskejjel ta’ Marija Assunta u Marija Reġina.
Intant, l-istazzjon ONE ser ikun qed ixandar b’mod dirett mill-Ħamrun stess mis-6pm ’l quddiem hekk kif mistennija ċelebrazzjonijiet kbar mill-partitarji, diriġenti u plejers tal-istess Ħamrun. Dan waqt programm speċjali tal-Argument mħejji apposta.
Matul dan il-programm u xandira speċjali filwaqt li ser tixxandar l-atmosfera festiva mit-toroq tal-Ħamrun, ser ikunu qegħdin jagħtu r-reazzjoni tagħhom għal dan is-suċċess dawk kollha li b’xi mod kienu nvoluti biex intlaħ dan it-tragward fosthom il-President tal-klabb flimkien mal-kumitat kollu ta’ Ħamrun, il-plejers u l-istaff tekniku, il-klabb tas-supporters u fergħat oħra f’ħdan l-istess klabb.