Għaddejjin l-aħħar preparamenti biex fis-sigħat li ġejjin pajjiżna jilqa’ l-laqgħa għolja tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ta’ disa’ pajjiżi differenti fir-reġjun tal-Mediterran, magħrufa bħala l-MED9.
Dawn il-laqgħat formali u kruċjali qed iwittu t-triq biex fid-29 ta’ dan ix-xahar jiltaqgħu fostna, iżjed importanti, id-disa’ mexxejja tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun tal-Mediterran, li se jkunu milqugħin mill-Prim Ministru Malti Robert Abela.
Miegħu se jingħaqdu l-mexxejja ta’ Franza, Spanja, l-Italja, il-Portugall, il-Greċja, Kroazja, Ċipru u s-Slovenja.
F’dawn il-laqgħat jiġu diskussi bosta temi komuni li jolqtu b’mod dirett lill-pajjiżi involuti.
Ta’ min ifakkar kif aktar kmieni din is-sena, il-Ministri għall-Enerġija ta’ dawn id-disa’ pajjiżi, ukoll ltaqgħu f’pajjiżna biex jiddiskutu t-triq ’il quddiem fil-qasam tal-enerġija.
Laqgħa oħra f’pajjiżna bejn disa’ Ministri, din id-darba dawk responsabbli mill-ekonomija diġitali, se ssir fl-20 ta’ Settembru li ġej. Dakinhar, Malta tkun rappreżentata mill-Ministru responsabbli Silvio Schembri.
ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Leandro Borg, li tkellem dwar l-importanza ta’ din il-laqgħa.
Id-Direttur Ġenerali qal, “Dawn it-tip ta’ laqgħat jirrikjedu xhur twal ta’ preparamenti li ilhom għaddejjin saħansitra mill-bidu tas-sena u anke qabel minħabba l-fatt li l-Presidenza Maltija ospitat numru ta’ laqgħat. Naturalment din il-laqgħa hi sinifikanti ħafna, għax tkun qed tipprepara d-diskussjoni għal-laqgħa tal-mexxejja u naturalment ir-rwol tal-Ministri tal-Affarijiet Ewropej hu li jippreparaw b’mod kruċjali d-diskussjoni li titla’ fl-ogħla livell tal-mexxejja.”
Leandro Borg spjega wkoll x’tinvolvi din il-laqgħa bejn il-Ministri Ewropej, fosthom il-Ministru Malti responsabbli mill-oqsma tal-Affarijiet Barranin u Ewropew Ian Borg.
Huwa kompla jgħid, “Għaddejjin l-aħħar preparamenti loġistiċi, illejla nibdew il-programm informali b’laqgħa bejn il-Ministri u għada se nkunu qed naraw il-programm b’żewġ sezzjonijiet li fihom ikunu qed jiddiskutu b’mod formali. Din tintemm permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet bejn il-Ministri li ġġib fi tmiemha d-diskussjoni bejniethom.”