Tul il-jum tal-Ħamis il-mexxejja tal-pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea se jiltaqgħu għall-aħħar summit ta’ din is-sena. Summit li se jattendi għalih il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat u li qed isir lejliet il-Presidenza Maltija.
Għall-ħabta tan-nofsiegha mistenni li jitkellem il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz. Dan jista’ jkun l-aħħar diskors tiegħu qabel ma jibda d-debutt politiku tiegħu fil-Ġermanja.
Iktar tard imbagħad se ssir konferenza li se tkun indirizzata mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk , il-president tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker u l-Prim Ministru tal-Islovakkja,Robert Fico,il-pajjiz li kellu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li se jkun qed jagħti rendikont tal-ħidma li saret tul is-sitt xhur ta’Presidenza.
Fuq l-aġenda il-mexxejja se jiddiskutu wkoll is-sigurtà u l-migrazzjoni, zewġ suġġetti li huma wkoll parti mill-prijoritajiet li Malta se tkun qed taħdem fuqhom tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla.
L-Unjoni Ewropea qed tqis is-sena 2017 bħala s-sena li matula trid timxi mill-kliem għall-fatti.