Is-sondaġġi komplew jitfgħu l-melħ fuq il-ferita fonda li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif is-sondaġġ tal-MaltaToday li ħareġ il-Ħadd filgħodu kompla jinstiga l-ġlied intern bejn iż-żewġ fazzjonijiet li għoddhom kissru l-istrutturi tal-Partit f’Tal-Pietà.
B’reazzjoni għas-sondaġġ tal-MaltaToday, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo fetħilha b’saħħa kontra r-riżultati li ġabet Therese Comodini Cachia.
Fi stqarrija ta’ mhux inqas minn mitejn kelma fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Arrigo żeblaħ mhux ftit lill-Comodini Cachia għall-fiduċja li rnexxiela tikseb. Fiduċja li tikkontradixxi d-dikjarazzjoni tagħha ftit tal-jiem ilu hekk kif qalet li rnexxiela ġġib l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista.
Arrigo jgħid,”She fell on the first hurdle. This Maltatoday survey contradicts her statement that she felt that the party is no united.”
Huwa aċċenna wkoll għall-attakki sistematiċi mill-fazzjoni Busuttil fil-passat b’tentattiv li jxekklu t-tmexxija ta’ Delia. Dan filwaqt li sostna li minkejja li Comodini Cachia riedet tqaċċat lilu minn Viċi-Kap Partit, fl-ewwel sitt xhur tas-sena rnexxielu jikseb riżultati finanzjarji tajbin.
Huwa qabeż ukoll għall-Kap Adrian Delia li minkejja dawn l-attakki fuqu, fl-aħħar tliett snin xorta żamm il-bibien tiegħu miftuħin.
Huwa temm jappella biex tal-inqas jibqgħu maqgħudin sal-elezzjoni li jmiss.
Madankollu l-Ħadd filgħodu, dlonk wieġbu id-deputati li sfiduċjaw lil Delia permezz ta’ stqarrija b’reazzjoni għas-sondaġġ tal-MaltaToday.
Sostnew li f’ġimgħa biss skont dak li juri s-sondaġġ, Therese Comodini Cachia rnexxielha tikseb fiduċja daqs kemm iħaddan Adrian Delia.
Id-deputati li ħafna minnhom huma parti mill-famuż grupp tas-17-il eroj blu qalu li dan is-sondaġġ juri l-ħtieġa li Adrian Delia jwarrab mit-tmun tal-Partit.
Qalu li fin-nuqqas ta’ dan il-Partit Nazzjonalista ser ikun ikkundannat għal riżultat elettorali diżastruż.