Sadanittant, hekk kif fl-aħħar jiem beda attakk sistematiku fuq l-industrija tal-films f’pajjiżna, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li dan hu attakk fuq pajjiżna, fuq ix-xogħol tan-nies u dawk li investew fl-industrija tal-films.
Fi stqarrija, il-Ministeru spjega li l-programm ta’ cash rebate hu inċentiv fiskali fejn pajjiżna jagħti persentaġġ ta’ flus lura lil produzzjonijiet lokali u barranin, wara li jiġu ppreżentati l-provi ta’ kif intefqu l-flus f’pajjiżna permezz ta’ awditjar rigoruż.
Intqal kif dawn l-inċentivi huma importanti, għax isaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna fid-dinja tal-films u dan ifisser iżjed produzzjonijet u iżjed xogħol.
Saret referenza għal stqarrija mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u kampanji bbażati fuq tagħrif mhux fattwali li jistgħu biss igerrxu l-investiment, itellfu x-xogħol tan-nies u jheddu l-industrija tal-films.
Bil-kontra ta’ dak li qal il-Partit Nazzjonalista, illum, pajjiżna qiegħed jattira produzzjonijiet tal-films matul is-sena kollha. Il-ħidma ta’ dan il-Gvern issarrfet biex illum għandna industrija li taħdem is-sena kollha fejn il-ġid igawdi minnu kulħadd, b’mod dirett jew indirett.