Hekk kif l-Erbgħa filgħodu daħal fl-aħħar stadji tiegħu l-ġuri kontra ż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil ta’ Sion Grech, il-Prosekuturi rtiraw żewġ kapi ta’ akkużi.
Dan l-iżvilupp fil-ġuri tal-Libjan Ismael Habesh u t-Tuneżin Faical Mahouachi, mhux mistenni li jiġi injorat mill-avukati tad-difiża fl-argumenti tal-għeluq tagħhom, fejn mistennija jużaw dawn l-iżvilupp biex jiżirgħu dubji fil-ġurati.
Fi tmiem l-indirizz tal-Prosekuzzjoni lill-ġurija, l-avukat Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, talab lill-ġurati biex ma jsibux ħtija fuq it-tieni u t-tielet kapi ta’ akkużi dwar l-użu ta’ sikkina f’omiċidju u n-nuqqas ta’ liċenzja biex tinġarr sikkina.
L-avukat spjega li r-raġuni għal dan kienet li l-irġiel kienu qed jiġu mixlija b’reati li kienu għadhom ma ġewx introdotti saż-żmien meta seħħ il-qtil.
Il-ġurati kienu mħeġġa jsibu lill-akkużati ħatja fuq l-ewwel kap ta’ akkuża, dwar l-omiċidju volontarju.
Il-Prosekuzzjoni qalet lill-ġurati li l-ebda investigazzjoni ma hi perfetta u li l-istampa qatt ma tkun magħquda kollha.
Fakkret ukoll kif mhumiex il-Pulizija jew ix-xogħol tagħhom li għaddejjin ġuri, iżda l-akkużati bil-qtil.
Il-konklużjoni tal-argumenti tal-Prosekuzzjoni se tkun segwita mit-tweġiba tad-Difiża, qabel ma jibda s-sommarju tiegħu l-Imħallef. Il-ġurija mbagħad tirtira biex tiddelibira bil-għan li toħroġ verdett.