L-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kejjel 249.8 mm ta’ xita f’perjodu ta’ tnax-il xahar, bejn Settembru tas-sena l-oħra u Awwissu ta’ din is-sena. Dan ifisser 295.5 mm inqas ta’ xita min-norma klimatika.
Intqal li minn 366 ġurnata, 58 ġurnata ġabu magħhom ix-xita.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku qal li, skont ir-rekords tagħha, l-aħħar sena tax-xita kienet it-tieni l-aktar xotta, wara l-1948.
Intqal li x-xhur kollha, bejn Settembru tas-sena l-oħra u Lulju li għadda kienu aktar xotti min-norma klimatika.
Ottubru li għadda kien l-aktar Ottubru xott fl-arkivju tal-Uffiċċju Meteoroloġiku.
Matul l-aħħar sena tax-xita, il-Gżejjer Maltin esperjenzaw 14-il maltempata bir-ragħad u tliet ġranet li fihom niżel is-silġ, jiġifieri fl-24 ta’ Novembru 2023, fis-6 ta’ Jannar 2024 u d-d-29 Frar 2024.