Wara stennija kbira u sitt serati semifinali, il-programm ‘Brillanti’ wasal għall-aħħar semifinali tiegħu li fih tmien atti artistiċi brillanti se jkunu qed jikkompetu għal post fil-finali.
Il-finali se ssir fit-Teatru Manoel fil-Belt Valletta u se tixxandar fuq l-istazzjon ONE.
Il-preżentatur Joseph Chetcuti jispjega x’se tkun it-tema għall-aħħar semifinali.
“Illum it-tema hija ‘Brillanti goes me’, jiġifieri protagonisti tagħna jridu jagħżlu silta li tirrappreżentahom, silta – bl-Ingliż jgħidu ‘they’re going to dance their heart out’… litteralment se juru lill-ġurija tagħna u anki lit-telespettaturi tagħna kemm huma bravi.”
Joseph Checuti qal li l-programm se jkun mimli daqs bajda, b’diversi sorpiżi u emozzjonijiet.
Fakkar ukoll li issa fetħu l-applikazzjonijiet għal edizzjoni oħra tal-programm.
“L-applikazzjonijiet għat-tieni edizzjoni ta’ Brillanti ħarġu, bħalissa għaddejjin. Fadal biss ġimgħatejn biex jagħlqu. ‘Brillanti goes dance’: kull min għandu talent fiż-żfin, ċemplilna 9922 9011.”
It-tieni edizzjoni se tkun miftuħa għal persuni ta’ kull età b’talent fiż-żfin.