Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għat-tlettax-il edizzjoni ta’ Rockestra bit-tema, ‘I Love Rock “n” Roll’ li se tkun qed tittella’ s-Sibt li ġej b’risq il-Malta Community Chest Fund
Għall-ewwel darba, din is-sena, Rockestra se jkun qed jittella’ f’żona miftuħa, fl-MFCC f’Ta’ Qali, bil-kunċert bħas-snin ta’ qabel se jkun imżewwaq b’kull tip ta’ mużika iżda b’mod partikolari bil-mużika Rock.
Għall-ewwel darba wkoll, id-divertiment se jitkompla wara t-tmiem tal-kunċert ta’ Rockestra hekk kif se jkun hemm ukoll il-possibiltà li kull min jattendi, jixtri l-ikel u xorb.
Id-Direttur mużikali ta’ Rockestra, Sigmund Mifsud, spjega kif għal darb’oħra, dan il-kunċert tant imfittex se jkun qed isir bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fejn żgur mhux forsi dawk li se jattendu se jkunu qed igawdu lejla mill-isbaħ.
Qal, “Din id-darba ridna nagħtu vibe ta’ aktar pjaċir u bużż u għalekk l-għażla tal-mużika se tkun waħda li wieħed se jiżfen magħha u jipparteċipa. Se jkun hemm mumenti anke fejn se ngħidu lin-nies iqumu u jipparteċipaw magħna b’mod speċjali din is-sena. Għalekk se tkun sena li kulħadd se jieħu gost filwaqt li dan qed isir għal għan nobbli bil-għan li jinġabru l-flus għall-Malta Community Chest Fund.”
Fost l-artisti li se jkunu qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni hemm Ira Losco, Amber, Chris Grech, Moira Stafrace, Aidan, Drakard u bosta oħrajn.
Id-Direttur artistiku ta’ Rockestra, Pawlu Borg Bonaci, qal kif din is-sena se jkun aqwa mis-snin ta’ qabel fejn qed jistenna bil-ħerqa li jara s-sehem tal-folla li se tkun qed tattendi.
Qal, “Rockestra bħas-soltu għandek l-Orkestra Nazzjonali li tistieden fuq il-palk kantanti minn ġeneru Rock u anke oħrajn, però apparti minn hekk qed nistennew udjenza bħas-soltu li ilna nistennewha hekk kif l-aħħar waħda kienet waħda kajmana ħabba ż-żminijiet kif kienu. Iżda din is-sena se noħorġu ‘all out’ fil-fatt tant hu hekk li se tittella’ fuq barra u għandna palk enormi b’aktar effetti milli jkollna s-soltu.”
Fi żjara waqt l-aħħar tħejjijiet, il-President ta’ Malta George Vella, qal kif għal sena oħra se tkun qed tittella’ prestazzjoni mill-aqwa fejn faħħar il-ħidma ta’ bosta ħaddiema li mingħajrhom dan il-kunċert ma kienx ikun possibbli.
Qal, “Gejna hawnhekk biex naraw il-preparamenti. Iż-żona timpressjonak hekk kif tidher ix-xogħol li fiha, u li se tittella’ fuq barra aktar napprezzawha f’dawn il-jiem ta’ sħana, u anke li dan se jkun xow ta’ tradizzjoni, dak ta’ Rockestra. Konvint li se jkun spettaklu tajjeb u nispera li kulħadd jitħajjar jara dan ix-xow hekk kif dan jappella għal persuni ta’ kull età”
Il-biljetti għal Rockestra jistgħu jinxtraw mis-sit showshappening.com.