Għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-musical li se jittella’ dwar il-ħajja tal-artist Taljan Michelangelo Merisi di Caravaggio.
Musical li se jsir fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta bejn l-20 u l-25 ta’ Settembru.
Dan il-musical, li l-mużika tiegħu hija xogħol Paul Abela, il-lirika ta’ Joe Julian Farrugia, u d-direzzjoni ta’ Malcolm Galea, m’huwiex biss bijografija ta’ Caravaggio iżda jidħol aktar fil-profond fil-karattru ta’ dan il-ġenju artistiku.
Fost oħrajn ser ikun hemm ukoll diversi atturi Maltin li ħa jieħdu sehem. Dawn jinkludu lil Lawrence Grey, Bettina Zammit, Kateriana Fenech, Neville Refalo, Louis Andrew Cassar u Ryan Grech.
One News tkellem mal-attur Malcolm Galea li se jieħu ħsieb id-direzzjoni ta’ dan il-musical. Hu spjega x’hemm preparat għal dawk kollha li jagħżlu jattendu għal dan il-musical.
“Dan huwa storja fuq il-ħajja ta’ l-artist Caravaggio li ħafna nies f’Malta nafu bih, nafu l-isem tiegħu huwa familjari imma ma nafux eżatt dwar dan il-persuna eżatt x’kien, x’kien irid meta kien jgħix, il-ħolma ta’ ħajtu x’kienet, iġifieri f’din qed naraw dan kollu fil-musical imma fl-istess ħin huwa musical epic.”
One News tkellem ma’ Joe Julian Farrugia li kiteb l-istorja u l-lirika ta’ dan il-musical. Hu qal li għalkemm imur ta’ spiss jara ir-rehersals, dejjem jibqa’ ċċassat. Ħeġġeġ lil pubbliku sabiex jattendi għaliex ser jara spettaklu mill-isbaħ f’dan il-musical.
“Min ħa jiġi hawn ħa jara spettaklu kbir. Anki jien li niġi narah regolarment u qed jinbena, qed nibqa’ ċċassat pereżempju xi ġmiel ta’ artisti għandna ġewwa Malta, minn pinġa, l-affarijiet li ħa jaraw fuq il-palk, l-iżfin, il-mużika li ħa jkun fih. Huwa spettaklu minn kull att.”
Il-biljetti jistgħu jinxtraw onlajn mis-sit Shows Happening.