Nhar il-Ħadd, se ssir il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista.
B’din se tkun festa għall-familja kollha fi żmien ta’ festi, li preżenti għaliha se jkun hemm il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Din il-maratona se tkun f’żewġ partijiet taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-parti ta’ barra li se tkun forma ta’ villaġġ tal-Milied fejn se jkun hemm diversi stalls ta’ ikel, xorb, artiġġjanat kif ukoll divertiment kontinwu u żona ta’ logħob għat tfal u fil-parti ta’ ġewwa mbagħad se tkun għaddejja l-maratona li aħna mdorrijin naraw.
Tkellimna mal-grupp Kantera, li se jieħdu sehem f’din il-maratona.
Qalu, “Qed naraw looking forward biex inkunu hemmhekk nhar il-Ħadd fil-ġbir ta’ fondi u nistennew lin-nies jiġu bi ħġarhom ħalli jieħdu gost magħna.”
ONE News tkellem ukoll ma Norma Saliba, Kap tal-Komunikazzjoni u Kelliema tal-Partit Laburista, fejn qaltilna li qabel din il-maratona se ssir intervista mal-Prim Ministru Robert Abela.
Qalet, “Fl-aħħar mil-aħħar prattikament hija wkoll attività li matulha l-Prim Ministru, jkollu l-opportunità jispjega wkoll l-avvenimenti li jkunu kkaratterizzaw il-ġimgħa ta’ qabel, naħseb xi ħaġa li se tispikka hija l-għajnuna li prattikament anke il-Gvern għadu kif ħabbar li ħa jibda jagħti minn tmiem il-ġimgħa lil familja, 63,000 familja li se jibdew jirċievu €24 miljun f’allowances.”