Għaddejjin ġmielhom l-aħħar preparamenti għall-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, il-Ġimgħa filgħaxija.
Konferenza li se ssir fil-miftuħ u bil-preżenza tad-delegati kollha wara li din għal diversi xhur ma setgħetx issir minħabba r-ristrezzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija.
ONE News żar Manoel Island fejn hemmhekk se tkun qed issir din il-konferenza b’konformità mal-miżuri kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Hemmhekk tkellimna mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista l-Perit William Lewis hekk kif spjega li din l-attività se tkun qed tadotta l-kunċett ta’ bubbles peress li mistennija konkorrenza qawwija.
Huwa spjega kif fost oħrajn ħa jkun hemm erba’ bubbles differenti li se jidħlu minn żewġ daħliet separati f’ħinijiet differenti sabiex kemm jista’ jkun tonqos il-konġestjoni.
Is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista qalilna, “Ladarba li jidħlu ħa jsibu passaġġ magħluq bil-high fencing jiġifieri minn qiegħed bubble aħma ma jistax imur ma dawk tal-bubble orange u mbagħad anke meta actually jidħlu fil-pjazza. Jiġifieri fil-pjazza ħa jkunu maqsumin f’bubbles differenti u dawn ma jistgħux jaqsmu minn waħda għall-oħra.”
Lewis spjega wkoll kif faċilitajiet bħal toilets u parking ukoll se jkunu disponibbli għal kull bubble differenti.
Huwa sostna: “Importanti wkoll li kulħadd iżomm il-maskra l-ħin kollu u ħa jkollu s-sanitizers jiġifieri aħna l-proċeduri kollha ħadna ħsiebhom biex dak li ħa jattendi jkun sigur biex ikun jista’ jsegwi l-messaġġ tal-Prim Ministru li se jkun qed jgħaddi fl-aħħar tal-konferenza.”
Il-ftuħ tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista se tiftaħ fit-tmienja tal-Ġimgħa filgħaxija u tintemm bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Wieħed jista’ jsegwi din il-konferenza fuq l-istazzjon ONE.