Inxtegħlu d-dwal, ixxammru l-kmien, inħarġu l-istrumenti, u bdew jidwu n-noti.
Lejla oħra ta’ rehearsals mill-band Drop-out, li nhar it-Tnejn se tkun qed tanima l-ispettaklu għall-familja kollha li l-Partit Laburista se jorganizza fil-Belt Valletta; spettaklu li għalih hemm stennija kbira mhux biss min-nies iżda wkoll mill-mużiċisti u mill-kantanti li se jieħdu sehem.
L-attivitajiet ta’ ċelebrazzjoni se jibdew fis-2pm, meta l-banda tal-Partit Laburista tibda tallegra lin-nies bil-marċi brijjużi tagħha madwar it-toroq tal-kapitali.
Fis-2.30pm, imbagħad, jibda l-ispettaklu fuq il-palk, li se jkun armat fil-pjazza ta’ quddiem il-Parlament.
Il-Mro Joseph Chircop imexxi l-band Drop-out, li nhar it-Tnejn se tkun qed takkumpanja lill-kantanti kollha waqt l-ispettaklu. Huwa tkellem ma’ One News dwar il-lista interessanti ta’ kantanti li se jixirfu fuq il-palk tal-Ewwel ta’ Mejju.
Il-Mro Chircop spjega li, “Tiziana Calleja, Ritienne Azzopardi, Kylie Coleiro, Petra Zammit, Klinsmamm Coleiro, Mike Spiteri, Fabrizio Faniello, Lawrence Gray, u mbagħad nagħlqu bir-reġina tal-kanzunetta Maltija, Mary Spiteri.”
Il-Mro Chircop qal li, minħabba li l-Ewwel ta’ Mejju hija festa għall-famija kollha, ħaseb biex jolqot il-gosti ta’ kulħadd.
Il-Mro Joseph Chircop qal li, “Ikkreajt dik li aħna nsejħulha ‘fusion’, li l-band tiegħi hija popolari għaliha, fejn se jkollok għaxar mużiċisti li se jdoqqu brass instruments – li huma erba’ trombones, erba’ trumpets, u żewġ euphoniums. Se ningħaqdu ma’ DJ Ryan Spiteri u għandek l-aħħar 20 minuta li aħna ngħidulhom ‘tal-qbiż’, fejn iż-żgħażagħ għandhom xalata ta’ mużika u żfin”.
Clint Bajada se jkun wieħed minn dawk li se janimaw l-ispettaklu. Miegħu se jkun hemm ukoll Joe Tanti, Alfred Zammit u DJs Bjorn Bonnett u Ryan Spiteri.
Min-naħa tiegħu, Bajada qal li, “L-Ewwel ta’ Mejju hija attività sabiħa ħafna li l-Partit Laburista ilu jorganizza matul dawn is-snin kollha, u aħna nħarsu ’l quddiem sabiex, din is-sena wkoll, tkun waħda ta’ suċċess mimlija mużika, mimlija nies, u mimlija divertiment għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, kif dejjem jixraq.”
It-tim organizzativ tal-Partit Laburista ħaseb ukoll għal numru ta’ attivitajiet madwar il-Belt Valletta, fosthom wirja ta’ karozzi, kif ukoll logħob u attivitajiet għat-tfal. Il-familji se jkunu jistgħu jgawdu minn ġurnata ta’ divertiment li tilħaq il-milja tagħha bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis, qal li ħadd m’għandu jitlef dak li qed jiġi organizzat għal nhar l-ewwel ta’ Mejju, biex flimkien niċċelebraw il-ħafna kisbiet li Gvern Laburista għamel għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Huwa spjega li din is-sena l-Partit Laburista għażel il-Pjazza ta’ quddiem il-Parlament biex jiċċelebra dan il-jum importanti. Tenna li l-ewwel ta’ Mejju dejjem ġabar il-folol biex, filwaqt li flimkien jiċċelebraw il-kisbiet li l-Partit Laburista fil-Gvern ikun għamel għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, jisimgħu il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista.
William Lewis temm jgħid li l-ispettaklu li qed jitħejja se joffri divertiment għal persuni ta’ kull età.