Il-Ħadd, 26 ta’ Marzu: l-ewwel anniversarju minn rebħa elettorali storika tal-Partit Laburista.
F’dan il-jum, il-Partit Laburista se jorganizza attività politika fl-10:30 ta’ filgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, ikkummentat ma’ ONE News li d-diskors tal-Prim Ministru se jagħti ħarsa lejn din is-sena ta’ tmexxija tal-pajjiż f’dan l-ewwel mandat tiegħu.
“L-attività se tkompli sal-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, fejn se jkun hemm maratona ġbir ta’ fondi. Rigward dawk is-sigħat, se naqsmu flimkien, se nkomplu nġeddu l-memorji tagħna fl-aħjar mumenti tal-kampanja elettorali li mexxa b’daqstant professjonalità l-Partit Laburista, u wkoll l-aħjar mumenti minn din is-sena tal-gvern Laburista – l-ewwel mandat ta’ Robert Abela, li fiha kellna ħafna kisbiet; kisbiet għall-poplu Malti u Għawdxi.”
Immedjatament wara li tispiċċa l-attività politika, jingħata bidu għal maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, li se tibqa’ għaddejja sas-6pm.
Kull min jattendi se jkollu mhux biss l-opportunità li jiltaqa’ mal-Prim Ministru, Robert Abela, u mal-amministrazzjoni tal-partit, iżda wkoll li jikkontribwixxi u jgħin lill-Partit Laburista sabiex jibqa’ jixpruna l-bidla għall-aħjar fil-pajjiż.