Il-preparamenti qed jissoktaw ġmielhom biex is-Sibt filgħaxij, jsir il-ftuħ tal-Logħob tal-Olimpijadi Speċjali f’Misraħ San Ġorġ, il-Belt.
L-avveniment se jiffoka fuq l-abbilitajiet differenti tal-atleti, bil-messaġġ ewlieni jkun li, minkejja d-diversità ta’ bejnietna, ilkoll għandna x’noffru.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ se toffri spettaklu kbir. b’ħafna ferħ u briju, u hi ppjanata li ddum madwar sagħtejn. Matulha se jkun hemm il-preżentazzjoni tal-atleti kollha u d-delegazzjonijiet minn kull pajjiż. Wara t-tmienja ta’ filgħaxija se tinxtegħel ukoll l-urna.
Żorna din il-pjazza ewlenija fil-kapitali, fejn iltqajna mad-Direttur Artistiku, Ray Calleja, li spjegalna kif għaddejjin l-aħħar preparamenti biex għada jingħata bidu għal din iċ-ċerimonja tant speċjali għal pajjiżna.
Qal, “Wasalna fl-aħħar mumenti. Illum hija l-aħħar mument li nagħmlu l-provi tagħna. Se jkollna xi ftit nies ukoll biex inkunu nistgħu nagħmlu assessment. Ovvjament, ilbieraħ kienet ġurnata u lejl daqsxejn twil, speċjalment għat-tekniċi, għaliex ħafna drabi jidħlu jaħdmu wara l-provi, imma kulħadd eċitat; enerġija tajba ħafna biex inwasslu dan l-ispettaklu.”
Ray Calleja qal li dak li se jaraw it-telespettaturi f’din iċ-ċerimonja jirrappreżenta l-għan tal-Logħob tal-Olimpijadi Speċjali: l-inklużjoni.
Spjega, “Se nippreżentawlhom ħafna mumenti emozzjonali li forsi mhumiex qed jistennew. Ħa nippreżentawlhom storja ħelwa ħafna ta’ żewġ karattri żgħar jisimhom Shelly u Robin, ibbażata fuq dak li l-iSpecial Olympics jirrappreżenta, jiġifieri l-inklużjoni u l-empowerment, jiġifieri fejn kollox hu possibli għal kulħadd, għandek kemm għandek kapaċitajiet u int min inti.”