Għaddejjin l-aħħar preparamenti għal TECHXPO, li se tkun qed issir bejn għada u l-21 ta’ Settembru, fl-MFCC, f’Ta’ Qali.
it-TechXpo se tkun qed tilqa’ fiha persuni li jkunu diġà rreġistraw minn qabel, filwaqt li l-Ħamis, 21 ta’ Settembru, festa pubblika, TECHXPO se tkun miftuħa b’xejn għall-pubbliku inġenerali.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, żar dawn l-aħħar preparamenti.
Din it-TECHXPO qed tgħaqqad taħt saqaf wieħed kumpaniji f’pajjiżna li jaħdmu bl-AI u teknoloġiji innovattivi oħra.
“Hawnhekk se jkunu qed jieħdu idea reali u jaraw fil-prattika x’hawn fis-suq fejn tidħol AI u teknoloġiji oħra u anke jaraw kif dawn it-teknoloġiji jistgħu jiġu użati għan-negozju tagħhom. Inħeġġeġ lill-familji jżuru t-TECHXPO biex jaraw dak li qed joffri pajjiżna, filwaqt li tagħti idea lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna tal-opportunitajiet li qed joffri pajjiżna u lejn fejn qed timxi l-ekonomija tal-pajjiż”, qal il-Ministru Schembri.
Intant, nhar l-Erbgħa ġewwa t-TECHXPO stess se tkun qed issir laqgħa tal-MED9, fejn pajjiżna se jilqa’ l-ministri responsabbli mill-ekonomija diġitali, jew rappreżentanti tagħhom minn Malta, l-Italja, Franza, Spanja, il-Portugall, il-Greċja, Ċipru, l-Islovenja u l-Kroazja fejn fost oħrajn se jkunu qed jiddiskutu kif nistgħu nikkoperaw flimkien biex nieħdu l-vantaġġi u l-opportunitajiet li l-AI toffri għall-ġid tas-soċjetajiet tagħna u fl-istess ħin nilqgħu għall-isfidi u riskji li dawn it-teknoloġiji jistgħu jippreżentaw.
Għal aktar informazzjoni dwar TECHXPO wieħed jista’ jżur is-sit, TECHXPO MALTA – Innovate – Evolve – Excel