Il-Ħadd, il-Partit Laburista jiċċelebra Jum il-Ħaddiem, bil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu b’mass meeting fi Pjazza Kastilja waranofsinhar.
ONE News żar Pjazza Kastilja fejn kienu għaddejjin il-preparament biex il-Ħadd, eluf ta’ nies ikunu jistgħu jattendu għal dan l-ewwel Mass Meeting wara l-Pandemija.
Il-Perit William Lewis, is-Segretarju Organizattiv tal-Partit Laburista, spjegalna x’jista’ jistenna l-pubbliku minn din l-attività.
Lewis stqarr, “Pjazza Kastilja għada se tkun qed tilqa’ bosta persuni li se jkunu qed jingħaqdu magħna għall-ewwel mass meeting wara l-pandemija. L-ewwel mass meeting li se jkun iċċelebrat f’Jum il-Ħaddiem. Jum il-Ħaddiem huwa għall-Partit Laburista sinominu kemm dejjem qabeż għad-drittijiet tal-ħaddiem u anke matul il-pandemija u għada niċċelbrawh bil-kbir fi Pjazza Kastilja li se tingħalaq bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela.”
L-attivitajiet fil-Belt Valletta imtella’ mill-Partit Laburista se jibdew minn kmieni waranofsinhar, bil-qofol jintlaħaq fit-tlieta ta’ waranofsinhar.
Hu spjega, “L-ewwel se jkollna l-banda tal-Partit li se tkun qed tallegra t-toroq tal-Belt, biex imbagħad għal ħabta tat-Tlieta tasal fi Pjazza Kastilja. Hawnhekk se jkollna żewġ livebands li se jkunu qed jallegraw lil dawk li se jattendu, imbagħad il-qofol jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru. Se tkun ċelebrazzjoni għal familja kollha.”
Dwar il-festa tal-ewwel ta’ Mejju, tkellimna mal-President ta’ Veterani Laburisti, Anthony Degiovanni, li spjega s-sinifikat wara din il-festa.
Degiovanni rrimarka, “Hija festa li tissimbolizza s-sintesi ta’ dak kollhu li għalih kien jeżisti u se jibqa’ jeżisti l-Partit Laburista. Hemm ħafna entitajiet li jiċċelebraw l-ewwel ta’ Mejju għal skopijiet differenti. Hemm minn jiċċelebrah ħabba l-frott tax-xogħol, il-vendemja, id-dinjità tax-xogħol. Però, il-Partit Laburista sa minn dejjem kif kien fl-oriġini, mitt sena wara r-revoluzzjoni Franċiża, kien għadu u jissimbolizza d-drittijiet tal-Ħaddiem.”