Jinsabu għaddejjin l-aħħar preparamenti għal attività politika oħra li se tkun indirizzata mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela fi Triq Sarria fil-Furjana nhar il-Ħadd li ġej fl-għaxra ta’ filgħodu.
B’rabta ma’ din l-attività ONE News tkellem mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis fejn ħeġġeġ lil dawk interessati jirriservaw post.
Lewis stqarr, “Bħalissa għaddejjin bl-aħħar preparamenti. Kważi kollox jinsab lest biex għada l-Furjana Triq Sarria tilqa’ l-Prim Ministru Robert Abela biex iwassal id-diskors tiegħu. Inħeġġeġ lil dawk in-nies li għadhom ma bbukjawx biex iċemplu fiċ-ċentru nazzjonali Laburista jew inkella jibbukjaw online fuq partitlaburista.org. Minħabba l-protokolli tas-saħħa importanti li kull min ħa jattendi jkun ibbukjat.”
Il-Perit Lewis żied jispjega kif dawn l-attivitajiet dejjem qed jittellgħu skond il-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Huwa nnota kif kull min ser ikun preżenti jrid juri ċ-ċertifikat tal-vaċċin li jindika li jkun ħa d-doża tal-booster.
Biex wieħed jattendi jista’ jirreġistra fuq is-sit partitlaburista.org jew iċempel fuq 20901751.